Statistika tal-Eurostat tindika li, fit-tielet kwart tas-sena l-oħra, Malta rreġistrat surplus ta’ 0.5% tal-ġid nazzjonali, bil-maqlub tal-kumplament tal-Unjoni Ewropea fejn kien hemm defiċit ta’ 2.5% bħala medja.
Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Gvern Malti wkoll kienet 1.9% aħjar minn dak li kienet sena ilu, waqt li fl-Unjoni Ewropea kien irreġistrat titjib biss ta’ 0.6% jew tliet darbiet inqas. L-agħar sitwazzjoni finanzjarja kienet dik tal-Gvern Finlandiż b’defiċit ta’ 8.2%, segwit mill-Belġju b’7.7% u Franza b’7.2%.
Fl-istess kwart tal-2024, pajjiżna kellu tnaqqis fil-piż tad-dejn nazzjonali aktar minn dak li kien hemm madwar l-Ewropa. Id-dejn nazzjonali naqas b’1.8 punti perċentwali tal-ġid nazzjonali f’Malta. Madwar l-Unjoni Ewropea l-piż tad-dejn nazzjonali żdied, b’0.2 fil-mija.
Dawn ir-riżultati jirriflettu t-tkabbir ekonomiku qawwi f’pajjiżna bil-maqlub tal-bqija tal-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li pajjiżna ilu mill-ewwel kwart tal-2015 ma jkollu piż tad-dejn nazzjonali fuq is-60% tal-ġid nazzjonali, il-benchmark tat-Trattat ta’ Maastricht għas-sostenibilità tad-dejn nazzjonali.
Fil-fatt, fit-tielet kwart tal-2024, pajjiżna kellu rata ta’ dejn ta’ 45%, is-sitt l-inqas fiż-Żona Ewro. Dan meta, fl-istess perjodu tal-2013, jiġifieri qabel il-bidla fil-Gvern, dan il-piż kien ilaħħaq id-69% tal-ġid nazzjonali. L-ogħla dejn fiż-Żona Ewro bħalissa hu tal-Ġreċja, b’158%, waqt li l-medja Ewropea hi ta’ 82%.
B’hekk pajjiżna għandu rata ta’ dejn nazzjonali fost l-aktar baxxi fl-istorja. Din hi waħda mir-raġunijiet għalxiex il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea din il-ġimgħa approva l-pjan fiskali tal-Gvern Malti.
Grazzi għal dawn ir-riżultati, il-Gvern jista’ jkompli jadotta politika ekonomika u soċjali progressiva, biex ikompli jinvesti fil-famiji u n-negozji u għall-Malta ta’ għada.