Rapport fil-ħarġa tal-Financial Times tal-lum jiżvela kif qariba ta’ Ministru fil-Bangladesh, implikata f’każi ta’ korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus, ġiet irrifjutata ċittadinanza minn Malta f’żewġ applikazzjonijiet separati li kienet għamlet fi snin passati.
Dan minkejja li, sa Ottubru li għadda, l-awtoritajiet tal-Bangladesh ma kinux ħadu passi kontra tagħha. Din hi konferma ta’ kemm huma stretti l-kontrolli tal-awtoritajiet Maltin.
Ir-rapport, miktub fost l-oħrajn minn Paul Caruana Galizia, jittratta l-applikazzjoni ta’ Shaheen Siddique biex tikseb ċittadinanza Maltija permezz tal-programm attwat mill-aġenzija lokali Identità.
Il-kontijiet bankarji ta’ Siddique ġew iffriżati mill-Bangaldesh is-sena li għaddiet wara li protesti mmexxija mill-istudenti wasslu għar-riżenja tal-Prim Ministru Sheikh Hasina wara 16-il sena fil-poter.
Ir-rapport jikkonferma kif il-programm ta’ ċittadinanza ta’ Malta hu fost l-aktar restrinġenti li jeżistu, kif ikkonfermat ukoll mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, li jtenni li r-rata ta’ applikazzjonijiet irrifjutati f’Malta hi fost l-ogħla mill-programmi kollha li jeżistu.
L-IMF ilu mill-2018 li ta dan iċ-ċertifikat pożittiv lil pajjiżna.