L-Assoċjazzjoni tal-Isport Akkwatiku ta’ Malta, l-ASA, se tospita, għall-ewwel darba, il-finali tal-aħħar erba’ timijiet tal-Waterpolo Champions League tal-irġiel bejn il-5 u s-7 ta’ Ġunju li ġejjin fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
Fl-istess post, bħala parti minn dan l-istess avveniment, se jiġi stabbilit villaġġ sportiv, li se jiftaħ fil-5:00 ta’ waranofsinhar, filwaqt li l-ewwel semifinali tibda fis-7:00 ta’ filgħaxija u t-tieni semifinali fid-9:00. Il-logħba għat-tielet u r-raba’ post u l-finali jintlagħbu nhar is-7 ta’ Ġunju fl-istess ħinijiet.
Malta ntagħżlet wara li l-applikazzjoni, li saret mill-ASA, kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha ewlenin tal-Federazzjoni Ewropea għall-Isport Akkwatiku u għandha l-appoġġ sħiħ tal-Gvern Malti bil-kollaborazzjoni ma’ SportMalta u VisitMalta.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, sostna kif il-Gvern kommess li jkompli jgħin lill-isport Malti b’kull mezz biex dan is-settur ikompli jikber.
Qal, “Se nkunu qed nospitaw il-Final 4 taċ-Champion’s League li hi l-akbar kompetizzjoni Ewropea tal-Waterpolo, kompetizzjoni li għandha prestiġju kbir u din hi l-ewwel minn tliet snin konsekuttivi li se nkunu qegħdin nospitaw. Se nkunu qegħdin naraw proprju l-pixxina f’Tal-Qroqq mimlija bis-sapport, se jkollna erba’ timijiet, li għandhom prestiġju internazzjonali, allura kollox hu ppreparat, kollox hu lest biex, iva, għal darb’oħra nospitaw b’suċċess avveniment ta’ portata internazzjonali.”
F’dan il-kampjonat, li beda fl-1963, jieħdu sehem l-aqwa timijiet minn madwar l-Ewropa u hi l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża tal-klabbs tal-waterpolo professjonali tal-kontinent.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, irrimarka kif it-turiżmu sportiv qiegħed jgħin bil-kbir biex ikompli jiġi attirat turiżmu ta’ kwalità ogħla lejn il-gżejjer Maltin.
Qal, “Il-waterpolo, bla ebda dubju, jattira diversi attrazzjonijiet u jattira wkoll l-attenzjoni madwar l-Ewropa kollha u, għalhekk, il-fatt li se nġibu turisti lejn pajjiżna, se nużawh ukoll bħala marketing tool biex inkomplu nsaħħu l-marketing tagħna lil hinn minn xtutna f’dan il-qasam hekk importanti tat-turiżmu sportiv.”
Il-Final4 se jixxandar fuq diversi netwerks internazzjonali tat-televiżjoni u se jiġi amplifikat permezz ta’ impenn qawwi fil-midja soċjali, li jiżgura udjenza Ewropea vasta.
Il-biljetti għal dan l-avveniment jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit tal-ASA – asaofmalta.eu.