Dan huwa Castillo, il-film Malti li seraq il-qlub ta’ ħafna Maltin u Għawdxin wara li l-Ġimgħa filgħaxija intwera lill-pubbliku għall-ewwel darba fiċ-ċinema.
Storja miktuba minn Clare Azzopardi, li l-vjaġġ tagħha mar minn ktieb, għal reċta, għal film – Castillo, titratta l-istorja mqanqla ta’ mara li tieħu deċiżjonijiet iebsa f’ħajjitha sabiex tieħu ġustizzja ta’ dak li familtha kellha tgħaddi minnu fi żmien it-tmeninijiet.
Waqt il-premiere ta’ din il-produzzjoni, ONE News tkellem mal-produttur Carlos Debattista fejn stqarr x’verament ifisser għalih Castillo.
Qal, “Xi jfisser għalija Castillo? Avventura sabiħa u avventura inkreddibli. U naħseb ilħaqna kull ma stajna nilħqu bih dan il-film hawnhekk bil-budgets li għandna.”
Ir-rakkont, bi sfond storiku Malti – joħodna fi vjaġġ mimli emozzjonijiet, b’karattri diżillużi, u ħajjiet personali mwiegħra li jħalli s-segwaċi fuq ix-xwiek.
Fil-fatt tħabbar li dan il-film għadu kif ġie magħżul mill-Malta Academy Selection Committee biex jintbagħat għall-konsiderazzjoni tal-International Feature Film category għas-97 edizzjoni tal-Academy Awards.
Il-film jara atturi ta’ kwalità għolja li żgur f’xi ħin jew ieħor rajnihom fuq it-televiżjoni Maltija. Għalihom dan il-film, kien mhux biss ta’ sfida imma wkoll esperjenza ta’ sodisfazzjon.
Fl-aħħar tal-lejl, wara li spiċċa l-film, ONE News ħa wkoll ftit kummenti tal-pubbliku li ġew apposta għall-premiere. Kollha bl-istess sentiment, tennew li kemm huma kburin li Maltin irnexxielhom itellaw produzzjoni daqshekk tajba.