Iż-żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 madwar l-Ewropa kollha qanqlet lil diversi Gvernijiet sabiex jintroduċu restrizzjonijiet u miżuri bil-għan li jnaqqsu f-firxa tal-imxija b’mod speċjali fid-dawl tal-varjant Omicron.
Ibieraħ il-Fillandja reġgħet introduċiet sistema ta’ kontroll mal-fruntieri interni. Din id-deċiżjoni hija l-ewwel tax-xorta tagħha fl-Ewropa u mistennija tibqa’ tiġi imposta sas-sittax ta’ Jannar tas-sena l-ġdida.
Din ir-regola ser taffettwa wkoll lil dawk li ser jivvjaġġjaw miż-żona Schengen. Filfatt il-Fillandja qiegħda tħeġġeġ lil kull min se jivvjaġġa biex iżomm ruħu aġġornat mar-regolamenti qabel jibdew il-vjaġġ tagħhom.
Kull persuna li trid tidħol fil-pajjiż trid tippreżenta ċertifikat tal-vaċċin u riżultat negattiv ta’ test li ttieħed sa 48 siegħa qabel.
Dan filwaqt li l-Ġermanja llimitat attivitajiet privati għal għaxar persuni filwaqt li għalqet l-istabbilimenti tad-divertiment qabel Lejlet l-Ewwel tas-Sena.
Avvenimenti kbar bħal logħob tal-futbol ser jittellgħu mingħajr udjenza.