Mayumi Santos Patacsil qalet lill-Pulizija li d-daqqa ta’ sikkina fatali fuq is-sieħeb tagħha kienet forma ta’ difiża, waqt attakk meta l-vittma kien fis-sakra.
Dan ħareġ fil-kumpilazzjoni ta’ provi kontra l-Filippina li tinsab akkużata bil-qtil tas-sieħeb tagħha Marcelino Montalban Saraza.
Hija qed tiġi akkużata wkoll li bagħbset l-evidenza u li għamlet rapport falz lill-pulizija.
Fix-xhieda tagħhom, kuntistabbli mis-sezzjoni tal-Vjolenza Domestika xehdet li fil-ġurnata tad-delitt hija marret ġewwa r-residenza l-Qawra, fejn Patacsil kienet ressqet rapport dwar argument li kellha mal-vittma, fejn sostniet li kien fis-sakra u kien heddidha li joqtolha u li se jaqtalha rasha.
Kien hawn li l-uffiċjal xehdet li l-akkużata kellha ġrieħi ta’ sikkina fil-pali ta’ jdejha kif ukoll sinjali ta’ gdim.