F’Awwissu li ġej il-figuri tal-bronż tal-funtana tat-Tritoni se jkunu qed jirritornaw lura f’Malta. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt Valletta ngħataw dettalji dwar ix-xogħolijiet li jinsabu għaddejjin fil-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tat-Tritoni, u l-funtana li tiddominaha.
L-ewwel tliet fażijiet ta’ xogħol fi Pjazza Tritoni tlestew. Dawn kienu jinkludu x-xogħol fi Triq l-Assedju l-Kbir sa ħdejn il-Ministeru tal-Edukazjoni, ix-xogħol fuq Triq Re Edwardu u l-Biskuttin u x-xogħol fuq Triq Nelson. Bit-tkomplija ta’ dan ix-xogħol, il-karozzi tal-linja setgħu jitneħħew minn madwar il-funtana tat-Tritoni billi inħolqitilhom ‘alighting area’ u spazji ta’ parkeġġi ġodda.
Qabel bdiet ir-raba’ fażi, li tinkludi x-xogħol kollu ta’ madwar il-pjazza tat-Tritoni fejn se jitqiegħdu servizzi ġodda, tneħħew l-istrutturi kollha li kien hemm fil-pjazza, inkuż il-kjosks.
Fejn jidħol ix-xogħol ta’ restawr fuq il-funtana li tiddomina l-Pjazza, fit-tliet xhur li ilhom Firenze, tneħħa l-konkos li kellhom il-figuri minn qaddhom l’isfel u beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-figuri nfushom. Il-bini tal-plant room u l-mina li twassal mill-plant room għall-funtana minn taħt l-art huma lesti.
Meta ta elenku dwar ix-xogħlijiet għaddejjin fil-belt kapitali, il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi tenna li ssaħħaħ is-servizz ta’ trasport fuq il-baħar bi skeda bejn żoni differenti fil-Port il-Kbir.
Ġew imnedija pjanijiet biex jiġu rinovati mollijiet għall-irmiġġ f’Marsamxett, il-Birgu u Tas-Sliema.
Kważi tlesta xogħol ta’ restawr tal-faċċata u l-arkati ta’ City Gate Shopping Centre. Imbagħad jibdew jitqiegħdu l-galleriji u aperturi tal-injam fi Triq Ordinanza, Triq il-Kavallier u Triq Papa Piju V ma’ djar li jinsabu fuq ic-City Gate Shopping Centre.
Dan filwaqt li bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ bini tas-substructure, tat-trejqa li se tħalli aċċess għaż-żona ta’ Lascaris War Rooms u bini ta’ żewġ french drains.
Għaddejjin diskussjonijiet mal-Valletta Football Nursery, id-Direttorat tar-Restawr u d-Direttorat tat-Tindif sabiex jinħoloq aċċess mill-parking ta’ taħt il-ġnien ta’ Hastings għaż-żona tas-Salinos. L-aċċess ser isir minn ġo sally port eżistenti. Beda xogħol tal-landscaping wara li ngħata l-kuntratt u fil-gimgħat li ġejjin hu ppjanat li jibda x-xogħol ta’ pavimentar bil-ġebla tal-qawwi u tħawwil ta’ siġar u pjanti.