F’Ħadd il-Għid, ONE NEWS mar iż-Żejtun. Mat-tokki tal-10.00 it-tfal bdew jinġabru fuq iz-zuntier b’xi figolla jew bajda tal-Għid f’idejhom lesti għat-tberik tradizzjonali li jsir il-Ħadd filgħodu. Stajna ninnotaw li f’idejn it-tfal kien hemm aktar bajd tal-Għid minn figolli apparti li l-maġġoranza tat-tfal kellhom figolli li xtraw minn ħanut u mhux figolli li jkunu magħmula d-dar.
Tgħid din it-tradizzjoni qed tinqata’ ukoll? Nistennew u naraw iżda żgur li n-nies għadha tfittex il-figolli hekk kif dalgħodu spikkaw il-ħwienet imbullati bin-nies kulħadd ħiereġ b’xi figolla jew tnejn.
Tkellimna ma’ numru ta’ familji li kienu fiż-Żejtun u stqarru magħna li sar ftit diffiċli fil-ħajja mgħaġġla tal-lum li wieħed jagħmel il-figolli, uħud qalulna li jippreferu li jsibuhom lesti filwaqt li oħrajn qalulna li bħal figolli tagħhom ma jsibu mkien għax huma “ġenwini.”
Li hu żgur hu li wara s-sawm illum it-tfal u l-adulti jkunu ħerqanin biex iduqu xi ħaġa ħelwa tradizzjonali ta’ żmien l-Għid.