Veru qegħdin fiż-żmien tal-qagħaq, l-imbuljuta u ħelu ieħor tajjeb milli nafu nagħmlu bħala Maltin għall-festi tal-Milied u tmiem is-sena, imma is-sit TasteAtlas, li hu enċiklopedija dinjija ta’ aromi, platti tradizzjonali, ingredjenti lokali u restoranti awtentiċi, għadu kif ikklassifika il-figolla tradizzjonali lokali bħala waħda mill-aħjar 100 ħlewwiet fid-dinja.
Dan is-sit rinomat madwar id-dinja fil-professjoni tal-arti kulinarja ħoloq il-lista tal-aħjar mitt prodott tal-ħelu minn kull tarf tal-globu wara li evalwa eluf ta’ ħlewwiet tradizzjonali.
TasteAtlas jispeċjalizza biex jesplora platti u xorb ikkonsmati minn popli differenti, b’togħmiet u aromi partikolari, anke dawk minsijin fl-aktar bliet u reġjuni mwarrbin fid-dinja.
Kien hawn li fl-aħħar jiem, dan is-sit ikklassifika il-figolla tradizzjonali Maltija ta’ żmien l-Għid fil-15 il-post fil-lista tiegħu fejn minn ħames stilel jagħtiha rata ta’ 4.1.
TasteAtlas spjega li l-figolla, li hi mimlija bl-intrita tal-lewż mitħun, ġeneralment tiġi fil-forma ta’ xi ħaruf jew fenek, fost oħrajn, minħabba r-rabta tradizzjonali mal-festi tal-Għid, waqt li tiżżejjen b’diversi modi, inkluż biċ-ċikkulata jew il-ġelu, u fl-aħħar bil-bajda taċ-ċikkulata fil-wiċċ.
Oriġinarjament hu magħruf sew f’pajjiżna kif il-figolla kienet anke tkun magħmula fil-forom ta’ ħut, qfief jew nisa, li lkoll kienu jissimbolizzaw xi ħaġa ta’ ġid, inkluż il-fertilità.