L-attività annwali Fiera Festa ta’ l-Għadira se ssir il-Hadd 28 ta’ April 2019 fl-inħawi pittoreski tal-Għadira Ta’ Sarraflu, limiti Ta’ Kerċem, f’Għawdex. Din se tkun it-35 edizzjoni ta’ din l-attività popolari li saret għall-ewwel darba fl-1984.
Sa mill-bidu, il-Fiera Festa ta’ l-Għadira tkun organizzata l-Ħadd wara l-Għid il-Kbir u din saret appuntament annwali għall-familja kollha fejn kulħadd jista’ jiddeverti fil-ħafna attrazjonijiet filwaqt li jwagdi l-arja bnina tal-kampanja Għawdxija.
Din is-sena l-organizzaturi ħejjew attrazzjonijiet varji li jinkludu logħob għal kulħadd b’ħafna rigali sbieħ x’jintrebħu. Se jkun hemm area kbira għat-tfal b’diversi bouncing castles bit-tema ta’ Disney, kif ukoll Carousel għat-tfal. Huma jistgħu jirkbu wkoll fuq il-pony u jmorru dawra mal-Għadira Ta’ Sarraflu.
Waqt l-attività se jkun hemm ukoll stands tal-ikel u xorb li jkunu jservu ikel u ħelu varjat, kif ukoll stand b’diversi tipi ta’ pjanti ghall-bejgh. Il-parkeġġ mhux se jkun problema għal dawk li se jattendu l-attività peress li hemm żona kbira għall-parkeġġ.
L-Għadira Ta’ Sarraflu hi wkoll magħrufa għall-passaġġi fil-kampanja fejn wieħed jista’ jagħmel passiġġata fuq l-irdumijiet fuq ir-riħ tal-bajjiet tax-Xlendi u d-Dwejra.
Kulħadd hu mistieden biex jattendi din l-attivita li tibda min-12.00pm ‘il quddiem. Għal aktar informazzjoni ċemplu fuq 79539048 jew ibgħatu email fuq kumitatfestakercem@gmail.com