Bħalissa għaddejja l-Fiera Nazzjonali ‘Choice of Subjects’ li hija mmirata għal tfal tat-tieni sena fl-iskejjel sekondarji. Permezz ta’ din il-fiera li għaliha qed jattendu mal-2,000 tifel u tifla, dawn l-istudenti ser ikunu jistgħu jiskopru b’mod aħjar 28 suġġett differenti- permezz ta’ pariri professjonali mingħand nies li huma mħarġa f’dan il-qasam.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, l-fiera rat żieda f’4 suġġetti vokazzjonali l-‘Media Literacy’, is-sbuħija, x-xagħar, il-ħjata, il-moda u n-negozju. Apparti minn hekk, din il-fiera qed toffri aktar opportunitajiet sabiex l-istudenti jitgħallmu aktar dwar suġġetti applikati. Dawn jinvolvu l-agrikoltura, l-ospitalità, is-saħħa u l-kura.
Għal din il-fiera, attenda l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima fejn it-tnejn saħqu dwar l-importanza li tkompli tissaħħaħ is-sistema akkademika eżistenti u fl-istess waqt ikun hemm aktar opportunitajiet għal dawn iż-żgħażagħ biex jinvestu fil-karriera tagħhom.