Kważi 60 fil-mija tal-kumpaniji internazzjonali li qed joperaw f’pajjiżna jemmnu li Malta hija attraenti għall-investiment dirett barrani lejha.
Dan ħareġ mit-18-il edizzjoni tal-istħarriġ annwali tal-EY, li janalizza kemm jattira kumpaniji lejh pajjiżna, u jfisser li kien hemm żieda ta’ 21 fil-mija meta mqabbel mal-istħarriġ tas-sena li għaddiet.
Ir-rapport tal-EY jgħid li l-fiduċja tal-kumpaniji f’Malta kibret b’din ir-rata minħabba l-irkupru mill-pandemija u hekk kif Malta tneħħiet mil-“lista l-griża” tal-FATF.
F’dan l-istħarriġ ħareġ li raġunijiet għaliex in-negozji internazzjonali għandhom fiduċja li jinvestu huma l-istabbilità li jgawdi pajjiżna u anki l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni li għandu.
Mill-istħarriġ ħareġ ukoll li f’sena kien hemm żieda ta’ 14 fil-mija f’dawk il-kumpaniji li qalu li Malta hija attraenti minħabba l-istabbilitá u t-trasparenza politika u legali.
Intant, huma biss ħamsa fil-mija minn dawk li wieġbu li jemmnu li l-piżijiet li qed iġġib magħha l-gwerra fl-Ukrajna se jnaqqsu l-fiduċja tal-kumpaniji milli jinvestu f’pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Barra minn hekk, kważi 70 fil-mija tal-kumpaniji internazzjonali li investew u fetħu n-negozji tagħhom f’pajjiżna matul is-snin jemmnu li għandhom futur f’Malta.
Minkejja l-pandemija globali u l-isfidi internazzjonali bla preċedent li għaddejjin bħalissa, kważi nofs il-kumpaniji li wieġbu f’dan l-istħarriġ qalu li se jkomplu jkabbru l-operat tagħhom fis-sena li ġejja. Dan ifisser żieda ta’ sebgħa fil-mija meta mqabbel mal-istħarriġ ta’ sena ilu.
Minn dan l-istħarriġ ħarġu wkoll il-fatturi li n-negozji jieħdu inkunsiderazzjoni għaliex għandhom jespandu fis-sena li ġejja. Fost dawn hemm l-istabbilità politika, il-kwalità tal-ħajja, u l-ħiliet tal-ħaddiema f’pajjiżna.
Aktar minn kwart ta’ dawk li qalu li se jkabbru l-operat tagħhom f’pajjiżna, qalu li se jagħmlu dan minħabba li l-Gvern qed jgħin biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils stabbli.
Jirriżulta wkoll li l-maġġoranza tal-kumpaniji qalu li l-“lista l-griża” ftit li xejn għamlet differenza fl-operat tagħhom.
Dwar il-ħiliet, dan l-istħarriġ jgħid li fi żmien sena kien hemm żieda ta’ 25 fil-mija fil-kumpaniji li komplew iżidu l-ħaddiema. B’kollox, 58 fil-mija tal-kumpaniji li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li żiedu l-ħaddiema magħhom.
Is-suġġett tas-sostenibilità huwa importanti għan-negozji f’pajjiżna, tant li kważi erbgħa minn kull ħames kumpaniji li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ qalu dan is-suġġett huwa importanti għalihom.
Dwar it-triq ’il quddiem, ir-rapport tal-EY jgħid li l-investituri jemmnu li fi żmien ħames snin it-turiżmu, l-iGaming, l-intelligenza artifiċjali u l-avjazzjoni se jkunu s-setturi ewlenin tan-negozju f’pajjiżna. Fis-settur tal-avjazzjoni kien hemm żieda ta’ sebgħa fil-mija meta mqabbel mal-istħarriġ tas-sena li għaddiet.
L-istħarriġ tal-EY jgħid ukoll li, biex pajjiżna jibqa’ kompettiv fiż-żmien li ġej, l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet huma l-aktar kruċjali.