Fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ġew eletti numru kbir ta’ żgħażagħ, li se jkunu qed iservu l-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex.
Fost dawn hemm Izak Catania De Giovanni, li fl-età ta’ sittax-il sena, huwa l-iżgħar kandidat elett f’Malta.
Huwa ġie elett fil-lokalità tal-Fgura, u f’kumment bit-telefon, qalilna kif qed iħares lejn din l-esperjenza.
“Bħala l-iżgħar persuna li qatt ġejt fdat b’kariga uffiċjali fil-Gvern Lokali, inħossni onorat, bil-kbir, li ksibt il-fiduċja tagħhom u ċert li nagħmel dak kollu biex nippremja din il-fiduċja b’servizzi b’integrità u b’umiltà fil-qasam taż-żgħażagħ u t-teknoloġija.”
Izak Catania De Giovanni
F’din l-elezzjoni, il-poplu għażel numru ta’ żgħażagħ sabiex imexxu l-lokalità fejn jgħixu.
Fost dawn hemm Simona Refalo ta’ dsatax-il sena li ġiet eletta bħala l-iżgħar Sindku fil-lokalità tax-Xewkija u anki Dale Hayman ta’ għoxrin sena li ġie elett bħala Sindku tal-Imtarfa.
Ma’ dawn hemm diversi żgħażagħ oħra li ġew eletti bħala kunsilliera biex jagħtu l-kontribut tagħhom fil-lokalità fejn jgħixu.
Dan apparti li għat-tieni darba, żgħażagħ ta’ sittax u sbatax-il sena kellhom id-dritt li jivvotaw, wara li Gvern Laburista daħħal dan fis-seħħ fl-2018.