Il-fiduċja li tajtuna se nsarrfuha f’aktar xogħol.
Kien propju dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività politika li mmarkat il-kisba tal-ħelsien u l-akbar rebħa elettorali mill-Indipendenza lil hawn, li kiseb il-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Il-Prim Ministru qal li x-xhur li għaddew kienu riflessjoni ta’ dak tal-elf disa’ mija disgħa u sebgħin.
Dakinhar meta Duminku Mintoff kellu l-ħolma ta’ Malta Ħielsa, kienu bosta dawk li beżżgħu bin-nies qiegħda u l-kollass ekonomiku iżda minn dan ma kien seħħ xejn anzi Malta sena wara oħra rat miraklu ekonomiku.
F’Xatt ir-Risq fil-Birgu, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif ftit tax-xhur ilu meta faqgħet il-pandemija tal-COVID-19 wkoll kien hemm minn bassar l-eluf ta’ nies qiegħda.
Fil-fatt kienet se tkun riflessjoni ta’ dak li għaddew missirijietna mitt sena ilu meta bdew it-triq għall-ħelsien madankollu l-Mexxej Laburista sostna li d-differenza kienet li din id-darba l-poplu Malti kellu bażi soda u rajh f’idejh iżda fuq kollox sab tmexxija li kienet mal-poplu u se tibqa’ miegħu.
“Minflok l-għexerien ta’ eluf qiegħda, illum għandna l-anqas ammont ta’ nies qiegħda fl-istorja, ftit aktar minn elf persuna. Il-Gvern qed ikun tarka għall-familji u negozji, b’mijiet ta’ miljuni ta’ ewro dedikati biex l-effett tal-kriżi internazzjonali jkunu kkontrollati. U għax ma ħallejtux il-passat ibeżżagħkom mill-futur, erġajtu tajtuna l-fiduċja tagħkom biex inkomplu nġeddu lil dan il-pajjiż. Emmintu fis-saħħa tagħkom u għażiltu l-għajta ta’ Malta Flimkien. Għax l-ikbar ħelsien li rrid nara llum hu l-ħelsien mill-politika tal-firda, il-mibegħda u l-konfront. Jien u sħabi nirringrazzjawkom tal-fiduċja li urejtu fina. Dik il-fiduċja se nsarrfuha f’iktar xogħol.”
Robert Abela – Prim Ministru
Quddiem folla sabiħa bil-bnadar Maltin, Dr Abela semma l-ħatra tal-Kabinett u kif il-Gvern se jibda jsarraf f’ħidma l-elf proposta biex dawn jinbidlu f’elf kisba.
Hawn tkellem fuq it-tiġdid.
“Bħala moviment ġejna mogħtija l-aqwa mandat li qatt ingħata Gvern mindu pajjiżna sar indipendenti. Huwa l-istess saħħa ta’ mandat bħal dak li kien ingħata l-Perit Mintoff fl-1955 meta kien reġa’ għaqqad il-moviment Laburista flimkien.Dan ma jfissirx li għandna nistrieħu jew naħsbu li wasalna. Iktar minn hekk, pajjiżna llum għandu llum mhux biss Kabinett, iżda anke grupp parlamentari b’saħħtu u li jibqa’ jissaħħaħ fil-jiem li ġejjin la darba jingħalaq għal kollox il-proċess elettorali. Daqskemm l-eżekuttiv huwa magna importanti, l-istess il-leġiżlattiv li rrid nibqa’ narah jieħu dimensjoni iktar b’saħħitha.”
Robert Abela – Prim Ministru
Il-Prim Ministru qal li jrid jara li l-Partit Laburista, kemm mill-istrutturi ta’ Partit u anke mill-Parlament jibqa’ jkun ta’ skrutinju għall-ħidma ta’ Gvern li jmexxi b’umiltà liema bħalha.
“Ejja nisfidaw il-ħsibijiet ta’ xulxin, ejja nkunu aħna l-ewwel li naraw kif u fejn nistgħu nagħmlu aħjar. Hemm l-umiltà. U tkellimt magħkom diġa’ dwar kif fuq din l-umiltà rrid nibnu din il-leġiżlatura. Għax ikbar mhi l-fiduċja iktar irridu nkunu saqajna mal-art.”
Robert Abela – Prim Ministru
Il-Prim Ministru Robert Abela għalaq id-diskors tiegħu bil-wegħdi ewlenin tal-Partit Laburista b’mod partikolari dik ta’ spazji iżjed ħodor fil-komunità.
Hawn saħaq fuq il-messaġġ ta’ Malta Flimkien.
“Ejja nżommu lil Għawdex u Malta l-ewwel u qabel kollox. Flimkien l-aħna huwa aqwa mill-jiena. Għalhekk ibqgħu isilfu l-fiduċja tagħkom lil dan il-moviment. Ibqgħu emmnu fis-saħħa tal-għaqda tagħna. Malta flimkien. Il-futur sabiħ. Il-futur issa f’idejna lkoll.”
Robert Abela – Prim Ministru