Stħarriġ li wettqet il-gazzetta Maltatoday wera fiduċja b’saħħitha li jgawdi l-Prim Ministru Robert Abela anki f’dan iż-żmien ta’ sfida waqt il-pandemija tal-Coronavirus.
Fil-fatt f’dan is-sondaġġ li sar din il-ġimgħa bejn iż-żewġ mexxejja politiċi, Robert Abela kiseb il-fiduċja ta’ 62.4% tal-Maltin filwaqt li Adrian Delia jgawdi 17.3%.
Dan ifisser distakk ta’ ftit aktar 45 punt perċentwal.
Il-fiduċja li kiseb Robert Abela hija daqs dik li kiseb fl-ewwel sondaġġ li għamlet il-gazzetta fi Frar hekk kif Abela laħaq Prim Ministru ta’ Malta.
Il-gazzetta tgħid li Robert Abela kellu magħmudija tan-nar, partikularment bl-akbar sfida tkun il-pandemija deskritta bħala l-agħar kriżi li l-pajjiż qed jaffaċċja mit-tieni gwerra dinjija l’hawn.
Is-sondaġġ jgħid li Robert Abela jgawdi l-fiduċja tal-biċċa ‘l kbira tal-Maltin aktar minn Adrian Delia f’kull reġjun tal-pajjiż u anki f’kull parti tas-soċjetà Maltija.
L-istħarriġ jgħid ukoll li Robert Abela jgawdi wkoll il-fiduċja t’aktar minn kwart (25.9%) ta’ dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvutaw lil Partit Nazzjonalista.
Robert Abela jgawdi l-fiduċja tal-biċċa ‘l kbira ta’ dawk b’edukazzjoni terzjarja (61.9%).
Dan għal kuntrarju ta’ Delia li jikseb inqas minn sebgħa fil-mija (6.8%).
F’Għawdex ukoll Robert Abela huwa aktar fdat minn Adrian Delia filwaqt li l-Prim Ministru u mexxej Laburista jgawdi l-fiduċja ta’ 94.8% ta’ dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvutaw lil Partit Laburista.
Dan għal kuntrarju ta’ Adrian Delia li ferm inqas min-nofs ta’ dawk li vvutaw lil Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali ma jafdawhx.
Fil-fatt huma 40.8% li vvutaw lil Partit Nazzjonalista fl- elezzjoni ġenerali ta’ tliet snin ilu li jafdaw lil Kap tal-Oppożizzjoni.
Intant l-istħarriġ jgħid li hemm distakk ta’ 26 punt perċentwal bejn iż-żewġ partiti politiċi.
Filwaqt li l-Partit Laburista kiseb il-fiduċja ta’ 49.1% ta’ dawk li rrispondew għall-istħarriġ, il-Partit Nazzjonalista kiseb 23.3%.
Il-Partit Laburista jgawdi l-fiduċja fost l-etajiet kollha fosthom maż-żgħażagħ fejn dawk li jgħoddu bejn it-tmintax u l-ħamsa u tletin sena jafdaw lil Partit Laburista kważi tletin fil-mija aktar mill-Partit Nazzjonalista.
L-istħarriġ juri wkoll li 7.8% ta’ dawk li vvutaw lil Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, jivvutaw lil Partit Laburista filwaqt li 1% ta’ dawk li vvutaw lil Partit Laburista, jivvutaw lil Partit Nazzjonalista.