L-istħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ippubblikat fil-jum tat-Tlieta, dwar fiduċja b’saħħitha fil-Korp tal-Pulizija juri ħidma sfiqa li qed issir mill-istess Korp favur it-tisħiħ tas-sigurtà u ż-żamma tal-ordni.
Dan ġie nnutat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri li fi stqarrija spjega kif dan l-istess stħarriġ mhux biss qed juri fiduċja għolja fil-Korp tal-Pulizija iżda jeħtieġ jittieħed fil-kuntest tar-rapport dwar il-kriminalità li ġie ppubblikat il-ġimgħa l-oħra mill-Prof. Saviour Formosa.
Fil-fatt ir-rapport juri kif il-kriminalità f’pajjiżna naqset b’5.4% u b’hekk l-istrateġija tal-Korp tal-Pulizija, b’aktar preżenza fil-komunità, qed tkompli tipprevjeni l-kriminalità.
Il-Ministru fakkar kif il-proġett tal-Pulizija fil-Komunità ħalla l-frott pożittiv u b’miżura tal-Budget għal din is-sena, dan il-proġett issa se jkun mifrux mal-pajjiż kollu.
“Dan l-istħarriġ tal-NSO jikkumplimenta l-istħarriġ tal-Ewro Barometru li sar ftit tax-xhur ilu, li wkoll wera kif il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi fil-Korp tal-Pulizija żdiedet bi 15%, u li għalhekk ġab il-Korp f’livell mal-medja Ewropea,” irrimarka l-Ministru Camilleri.
L-NSO qal kif aktar minn 90% tal-pubbliku għandu fiduċja fil-Korp tal-Pulizija. Minn dawn, 45% għandhom fiduċja għolja jew għolja ħafna, waqt li 45% qalu li għandom fiduċja medja.
Ara wkoll: