Rabat Sacrum hija attività mifruxa fuq jumejn fejn il-pubbliku ser ikollu l-opportunità li jżur diversi postijiet uniċi ta’ interess ġewwa r-Rabat u japprezza wħud mill-aktar tezori imprezzabbli li ħallewlna missierijietna f’din lokalità.
Hekk kif il-preparamenti għall-ewwel edizzjoni ta’ din l-attività għaddejjin ġmielhom, tkellimna mas-Sindku ta’ din il-lokalità, Sandro Craus.
“Prattikament li ħa nagħmlu llum hu li ser niftħu l-kunventi, ħa niftħu l-knejjes, f’kull knisja ser ikun hemm kunċert. Ser ikun hemm ħafna attività barra, ovjament l-ikel u r-restoranti, però l-idea tagħna hija li nippromovu l-aspett storiku, l-aspett reliġjuż u l-aspett kulturali. Irridu nfakkru li mir-Rabat beda’ r-Reliġjon tagħna, fil-grotta ta’ San Pawl. Però hawn ħafna wirt mill-isbaħ li kull organizazzjoni reliġjuża ser tkun qed torganizza b’mod b’saħħtu ħafna biex tesponi r-rikkezzi li għandna”
Fost id-diversi rikkezzi fl-imqades Rabtin jispikkaw numru ta’ fided li jinsabu għall-wiri għall-ewwel darba ġewwa l-knisja ta’ Ġieżu .
Jeremy Debono, arkivista tal-Arċikonfraternita spjegalna kif din il-kollezzjoni ta’ fided kienet ser tkun irkantata mill-gvern Franċiż 225 sena ilu iżda l-poplu Rabti ma seta’ qatt iniżżel li dan il-patrimonju jinsteraq fi żmien il-ħakma.
“Kienu ġejjin l-irkantaturi f’isem il-Gvern Franċiż f’Malta sabiex jirkantawhom iżda dakinhar ir-Rabtin ingħaqdu għaliex ma riedux li dan il-wirt tagħhom li kien ħafna minnhom sar bl-għotjiet u d-donazzjonijiet tagħhom jintilef u għallhekk dakinhar inġabru u qajmu storbju sħih tant li l-irkantaturi ma’ setawx jagħmlu xogħolhom, marru l-Imdina u minn dakinhar bdiet ir-rewwixta tal-Maltin kontra l-Franċiżi li eventwalment wasslet għall-imblokk u għat-tmiem tal-ħakma Franċiża f’Malta.”
Minbarra n-numru sabiħ ta’ postijiet storiċi li ser ikunu miftuħin għall-pubbliku, fosthom katakombi, mużewijiet u diversi knejjes, ser isiru wkoll numru ta’ attivitajiet bħall-kunċerti divertenti u oħrajn li jiftħu tieqa fuq il-ħajja tradizzjonali Maltija bħall-marċi u reanactments ġewwa t-toroq storiċi tar-Rabat.
L-Arċipriet tal-parroċċa tar-Rabat Dun Joseph Mizzi tkellem magħna dwar it-tħejjijiet tal-parroċċa għal din l-attività li qed issir b’kollaborazzjoni mal-għaqdiet tar-raħal.
“Grazzi għal din l-inizjattiva fejn il-kunsill Lokali flimkien ma’ anka l-Kleru tal-Parroċċa tagħna kollha, il-Kleru Reliġjużi kollha flimkien qegħdin nagħtu s-sehem tagħna flimkien sabiex din il-wirja tar-Rabat Sacrum, ir-Rabat Qaddis bil-katakombi tagħna u dak kollhu li joffri r-Rabat ikunu esposti għall-pubbliku tagħna u jikber iktar l-għarfien storiku u kulturali ta’ din il-Parroċċa għażiża minn fejn beda l-Kristjaneżmu propja. Hawn għex San Pawl għal tliet xhur u hawn bdiet il-fidi Nisranija f’pajjiżna. Tajjeb li dan aħna nesebixxuħ u anka ngħadduħ lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.”
L-attivitajiet ser ikunu qed isiru s-Sibt mis-6 ta’filgħaxija l-quddiem u l-Ħadd bejn id-9am u l-12pm. Dawk kollha li ser jattendu jistaw jiksbu lista sħiħa ta’ attivitajiet u postijiet miftuħa fuq il-paġna ta’ Facebook kif ukoll jagħmlu użu mill-park and ride provdut.