It-12-il siġra tal-ficus fil-Pjazza tal-Mosta, li spiċċaw fil-kontroversja fl-aħħar jiem u issa se jibqgħu fejn kienu, issa iddawru b’konki apposta għat-tisqija
Dan minbarra li tpoġġiet aktar ħamrija milli kien hemm qabel meta kienu mdawrin bil-konkos.
Fuq Facebook, il-Kunsill Lokali tal-Mosta spjega kif is-siġar issaqqew u saret anke spezzjoni minn uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Fakkar kif żewġ siġriet oħrajn, li kienu fil-post u tneħħew madwar xahar u nofs ilu minħabba ħsarat li għamlu f’ġiebja u fil-bini taċ-ċentru, kienu tħawlu mill-ġdid fi Vjal Ragusa.
Il-Kunsill spjega kif, fi ftit ġimgħat, dawn l-istess siġriet diġà qed jarmu l-weraq ġodda.
Sadanittant dawk is-siġar ġodda ta’ Ġuda u tal-Ballut, li kienu se jieħdu post il-ficus fil-Pjazza, issa se jitħawlu fi Triq l-Imsaqqfin, fiż-żona ta’ Santa Margerita.
Ingħad kif is-siġar tal-Ballut huma siġar mill-isbaħ u fihom madwar ħames metri għoli.