Il-festival tal-arti għat-tfal u għaż-żgħażagħ ŻiguŻajg, din is-sena se jittella’ f’Għawdex permezz ta’ żewġ produzzjonijiet, One Morning I Left u Opera Antagonisti, ħabbret il-Ministru Justyne Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li dan il-festival qed jikber ukoll f’Għawdex. Festivals bħal dan ikomplu jressqu l-kultura u l-arti lejn it-tfal u ż-żgħażagħ bil-għan li jitrawwem fihom sens ta’ apprezzament kulturali li tant hu b’saħħtu f’Għawdex, spjegat il-Ministru.
Il-Ministru għal Għawdex semmiet ukoll l-istaġun tal-opri fil-gżira Għawdxija li ntemm ftit tal-ġranet ilu u li pparteċipaw fih ukoll ħafna tfal. “Dan ifisser li għandna nindukraw dan l-interess fost it-tfal Għawdxin, l-aktar meta l-Ministeru għal Għawdex qed iqis il-potenzjal ekonomiku tal-kultura f’Għawdex”, kompliet il-Ministru Justyne Caruana f’referenza għaż-żieda fil-budget għas-sena d-dieħla f’fondi ddedikati għall-kultura. Il-Ministru għal Għawdex tkellmet ukoll dwar l-aċċessibilità għall-kultura u dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal li jattendu l-ispecial unit tal-iskola primarja ta’ Ta’ Sannat, li jfisser li qed nindukraw l-inklużjoni wkoll permezz tal-kultura. Il-Ministru Caruana rringrazzjat lil dawk involuti biex dan il-festival seta’ jseħħ ukoll f’Għawdex.
Id-direttur tal-festival fi ħdan Fondazzjoni Kreattività Daniel Azzopardi qal li, “Din is-sena ħassejna li l-festival għandu jimraħ lil hinn mill-Belt Valletta sabiex jilħaq komunitajiet oħrajn u dan il-programm f’Għawdex hu appuntu opportunità sabiex inwasslu xogħol ta’ kwalità lil udjenzi ġodda”.
F’Għawdex se jintwerew żewġ attivitajiet separati mmirati lejn udjenzi differenti. One Morning I Left minn kumpanija miċ-Ċili se tittellgħa fis-sala tal-iskola primarja ta’ Ta’ Sannat u hi miftuħa għall-iskejjel primarji Għawdxin. Opera Antagonisti b’kollaborazzjoni mal-Orkestra Nazzjonali se tinżamm fit-Teatru Don Bosco nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ Novembru għall-istudenti li jattendu l-iskejjel primarji u s-Sibt 18 ta’ Novembru għall-pubbliku inġenerali.