‘Mużika Mużika’ se jirritorna għall-ħames edizzjoni tiegħu, b’sittax-il finalist li se jikkompetu bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu li ġej.
Il-festival ta’ kanzunetti Maltin, li baqa’ jikber sena wara oħra, hu wieħed mill-akbar festivals fil-portafoll ta’ Festivals Malta b’madwar 150 tekniku u professjonist jaħdmu waqt il-festival u minn wara l-kwinti.
Waqt konferenza għat-tnedija tal-edizzjoni għal din is-sena, issemma kif se jkun hemm diversi sorpriżi fuq palk ieħor straordinarju sinonimu ma’ ‘Mużika Mużika’.
Minbarra hekk, tħabbar kif din is-sena se jinbidel il-proċess tal-votazzjoni, fejn qed tneħħiet l-eliminatorja, waqt li l-ewwel serata se tkun iddedikata esklussivament għall-voti ta’ dawk preżenti fis-sala.
Wara dan, il-voti jinġabru biex jingħaddu mal-kumplament tal-voti tas-Sibt, li jsiru bil-ġurija u t-televoting normali.
Fis-serata tal-Ġimgħa, li kull sena tkun tant mistennija, jindaqqu diski klassiċi Maltin flimkien mal-finalisti parteċipanti.
Aspett importanti fil-festival tibqa’ l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, li bil-50 element tagħha toffri esperjenza mill-aqwa.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, preżenti għat-tnedija, tenna l-importanza tal-preparamenti għal dan il-festival prestiġjuż, li bħalissa jinsabu fl-aqwa tagħhom wara anke li kien mtella’ b’suċċess il-Eurovision Song Festival.
“‘Mużika Mużika’ għandu aspett ieħor kruċjali, dak li niċċelebraw il-lingwa Maltija, lingwa mill-isbaħ, lingwa li tgħaqqad lill-poplu Malti u Għawdxi kollu flimkien li, bis-saħħa tagħha, l-artisti jirrakkontaw l-esperjenza tagħhom fid-dinja kontemporanja li qed ngħixu fiha u pajjiż naturalment. Aħna kommessi li nkomplu nkabbru ‘Mużika Mużika’, għax fih naraw opportuntià li l-poplu Malti jiġi flimkien jiċċelebra din il-lingwa Maltija tant sabiħa li tant inħobbu.”
Tana wkoll il-kummenti tiegħu ċ-Chairperson ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, fejn stqarr kif din is-sena se jkun qed jara xi tibdil fl-istruttura tiegħu, fejn fost l-oħrajn issa l-kanzunetti se jkollhom jumejn fejn jesebixxu l-kanzunetta tagħhom mingħajr eliminazzjoni, b’tal-Ħamis ikun ibbażat fuq il-vot mis-sala.
“Il-voti mis-sala jingħaqdu wkoll ma’ dawk tal-ġurija li jkunu esperti mqabbdin min-naħa tagħna, bil-format tal-Ġimgħa jibqa’ bħal dejjem popolari, bis-serata tal-klassiċi, imbagħad, il-finali li se nkunu qegħdin insegwu 16-il kanzunetta finali li, fl-aħħar mill-aħħar, tkun qed tagħmel, għal darb’oħra suċċess, il-festival ‘Mużika Mużika’.”
Il-biljetti tal-festival, li se jkun qed jittella’ fl-MFCC f’Ta’ Qali u jixxandar live fuq ix-xandir nazzjonali, jinsabu għall-bejgħ, waqt li aktar tagħrif jinsab fuq il-paġni soċjali jew is-sit elettroniku muzikamuzika.mt.