Bl-inizjattiva tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Festivals Malta qed tniedi uffiċjalment ir-ritorn ta’ dan il-festival tant prestiġjuż, bl-isem il-ġdid ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija.
Dan il-festival fetaħ bibien internazzjonali għal kantanti, awturi u kompożituri Maltin biex jesebixxu kompożizzjonijiet Maltin f’kompetizzjonijiet prestiġjużi barra minn xtutna.
Minkejja li dan il-festival rritorna fl-2013, u fl-2016, qatt ma reġa’ stabilixxa ruħu bħala festival ewlieni fil-kalendarju kulturali Malti.
Il-Ministru Dr José Herrera qal li dan il-festival huwa intiż li jkompli jixpruna t-talent Malti u l-kanzunetta Maltija. Tenna li t-talent mużikali huwa wieħed ta’ livell, biss hemm il-ħtieġa li nsaħħu u noffru aktar opportunitajiet lill-kompożituri, awturi u kantanti Maltin.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija, is-Sur Raymond Bugeja, sostna li dan il-festival ser jkun qed iservi bħala pjattaforma għal artisti lokali, b’mod speċjali għall-ilsien Malti.
Huwa esprima s-sodisfazzjon li l-kanzunetta Maltija titpoġġa mill-ġdid f’postha, bil-ġieħ u d-dinjità kollha li jixirqilha.
Is-Sur Bugeja sostna li Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija se jservi wkoll bħala pjattaforma għall-kompożituri u awturi tagħna biex ivaraw it-talenti tagħhom. Talenti li fuq din il-gżira huma ta’ bil-ħaqq abbundanti.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija tal-Bord ta’ Festivals Malta, is-Sur Normann Hamilton saħaq li dan il-Festival – li huwa vetrina u pjattaforma unika għall-kompożituri, awturi, kantanti, gruppi u mużiċisti kemm Maltin kif ukoll Għawdxin – mill-lum ‘il quddiem ser ikollu l-isem ta’ ‘Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija’.
Dan il-Festival tal-Kanzunetta Maltija tant popolari ser jerġa’ jirritorna, u din id-darba ser jibqa’, bħala parti mill-kalendarju kulturali tal-Aġenzija Festivals Malta.”, ikkonkluda s-Sur Hamilton.
Id-Direttur ta’ Festivals Malta, is-Sinjura Annabelle Stivala, ikkummentat dwar l-importanza ta’ dan il-festival, speċjalment fejn jidħlu l-artisti lokali. Is-Sinjura Stivala qalet li dan il-festival mhux biss iservi ta’ pjattaforma għall-kantanti, kompożituri u awturi Maltin, iżda ukoll joffri spettaklu ta’ ċelebrazzjoni ta’ mużika Maltija; spettaklu li jgħaqqad u jagħti ġieħ lil-lingwa tagħna. Festivals Malta hija kburija li ġiet fdata b’dan il-proġett tant importanti li permezz tiegħu ser nerġgħu nagħtu l-ħajja lil dan ilfestival hekk prestiġjuż.
Dan il-festival ser jittella’ uffiċjalment f’Marzu tas-sena 2021 fejn diversi kanzunetti bil-lingwa Maltija, b’lirika u kompożizzjoni ta’ artisti lokali, ser ikunu qed jikkompetu. Ir-regolamenti, kif ukoll aktar linji gwida dwar il-proċedura ta’ dan il-festival jinstabu fuq is-sit elettroniku www.muzikamuzika.org.
Is-Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet għall-dan il-festival fuq is-sit elettroniku tal-festival (www.muzikamuzika.org) jew bl-idejn fl-uffiċini ta’ Festivals Malta fil-Furjana bejn it-28 u t-30 ta’ Ottubru 2020.