F’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, Art Explora qed torganizza festival għall-familja kollha li jivvjaġġa fil-baħar Mediterran bid-dgħajsa-mużew tiegħu li joffru għaxart ijiem ta’ programmi artistiċi u kulturali mingħajr ħlas.
Dan l-avveniment organizzat fix-Xatt Pinto, il-Valletta Waterfront, bejn il-21 u l-31 ta’ Marzu li ġej, jissimbolizza l-bidu ta’ vjaġġ bil-baħar straordinarju madwar il-Mediterran, li fih Malta ser tkun l-ewwel minn sensiela ta’ waqfiet affaxxinanti.
Il-festival se jsir abbord id-dgħajsa-mużew kif ukoll fuq il-moll f’paviljuni apposta, u f’żoni mgħammra biex jilqgħu lill-viżitaturi.
Iddisinjat mill-periti Axel de Beaufort u Guillaume Verdier, u mibni fit-tarzna Perini Navi fl-Italja, il-vapur-mużew jista’ jilqa’ sa 2,000 ruħ abbord kuljum u ser jospita l-wirja immersiva “Present” bil-kollaborazzjoni tal-Mużew tal-Louvre, li titfa’ dawl fuq figuri femminili fiċ-ċivilizzazzjonijiet tal-Mediterran.
Bi programm li jinkludi aktar minn 30 inizjattiva u 55 attività, il-festival jindirizza sensiela ta’ tħassib soċjopolitiku urġenti, inkluż is-sostenibbiltà ambjentali, l-ġustizzja soċjali u l-benesseri personali.
Daniel Azzopardi, id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv enfasizza li kulħadd għandu jissieħeb f’dan il-vjaġġ straordinarju, u jbaħħar fuq missjoni biex jgħaqqad komunitajiet permezz tal-lingwa universali tal-arti.
“Hija esperjenza unika, inbena kataraman ġdid, uniku fl-għamla tiegħu b’46 metru u 55 metru li fih se jkollu esebizzjonijiet diġitali flimkien mal-Louvre f’Pariġi fejn il-familji se jkunu jistgħu jitilgħu fuqu u jkollhom esperjenza ta’ siegħa unika fuq l-istorja tal-Mediterran u d-dinamika ta’ kif il-Mediterran tul is-snin inkluż Malta. ”
Daniel Azzopardi – Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv
Bejn ir-rebbiegħa tal-2024 u l-ħarifa tal-2026, id-dgħajsa-mużew ser tivvjaġġa lejn 15-il pajjiż madwar il-Mediterran u jġib flimkien lil artisti, kuraturi, organizzazzjonijiet kulturali, edukattivi u mingħajr skop ta’ qligħ.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tenna li billi tuża l-port tal-Mediterran bħala pjattaforma għal skambju kulturali, din l-inizjattiva għandha l-għan li tkisser il-fruntieri soċjopolitiċi u tippermetti lill-udjenzi jħaddnu l-wirt tar-reġjun tagħhom filwaqt li jitpaxxew bir-rikkezza tal-arti kontemporanja.
“Meta jkollok inizjattiva bħal din li ġġib flimkien il-baħar tal-Mediterran u l-ibħra tal-madwar u l-pajjiżi li qegħdin fil-Mediterran biex jagħmlu inizjattivi kulturali, aħna żgur inkunu hemmekk magħhom biex noħolqu kollaborazzjonijiet importanti ħafna għall-ġid mhux biss tal-artisti imma għan-nies li jkollhom opportunità jgawdu minn din il-kultura sabiħa.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Preżenti waqt it-tnedija ta’ dan il-festival, kien hemm il-President tal-Fondazzjoni Art Explora Frédéric Jousset u ċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai.