Bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru li ġej, għal sena oħra se jkun qed isir il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran il-Belt Valletta. F’dawn il-ħamest ijiem, se jkun hemm aktar minn 90 attività, li jvarjaw minn tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, konferenzi u taħditiet sa drammatizzazzjonijiet, premieres ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, workshops, seminars u attivitajiet ta’ divertiment għat-tfal.
L-Imħallef Rosemarie Aquilina se tkun il-mistiedna internazzjonali għall-edizzjoni ta’ din is-sena. Aquilina kisbet fama internazzjonali fl-2018 meta ppresediet fuq il-każ t’abbuż sesswali fit-Tim tal-Ġinnastika tal-Istati Uniti. Bint emigrant Malti u emigranta Ġermaniża, hija wkoll magħrufa bħala kelliema voċifera għad-drittijiet tal-mara, fl-awla u lil hinn minnha. Hija kitbet rumanżi bħal Feel No Evil u Triple Cross Killer.
L-Erbgħa 6 ta’ Novembru, il-Festival se jinfetaħ il-konferenza ewlenija bl-isem ta’ Strange New Worlds. Id-diskussjoni se tkun dwar l-irwol u l-perċezzjoni tal-ġeneru tal-fantaxjenza fid-dinja letterarja, u se titmexxa mit-traduttur u kittieb talfantaxjenza Mark-Anthony Fenech. Il-mistiedna l-oħra tal-Festival huma Loranne Vella, l-awtriċi bbażata Brussell u rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018 birrumanz tagħha Rokit (Merlin Publishers); l-awtur Brittaniku mwieled Malta Jon Courtenay Grimwood; ir-rumanziera Amerikana Kali Wallace; u l-kittieb Irlandiż Dave Rudden. Kull wieħed minn dawn se jkollhom l-attivitajiet iddedikati lilhom u lpubbliku mħeġġeġ jattendi biex jiltaqa’ ma’ dawn il-personalitajiet letterarji.
Fost l-attivitajiet prinċipali mtellgħin mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru se jitħabbru r-rebbieġa tal-ewwel Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef f’ċerimonja akkumpanjata mill-qari ta’ Nadia Mifsud u Louis Briffa. Is-Sibt 9 ta’ Novembru se jkunu qed jintwerew għall-ewwel darba żewġ produzzjonijiet awdjoviżivi f’lejla ddedikata lix-xogħol tal-kittieb Alfred Sant. Il-film qasir Ġulina, b’direzzjoni ta’ Peter Sant huwa addattament tan-novella tal-istess isem u ffinanzjat mill-konkors tal-KNK għall-films qosra. Se jintwera wkoll l-ewwel episodju mis-serje ta’ dokudrama ‘Storja ta’ Storja’ bi produzzjoni tal-kumpanija Sajjetta. Il-kontribut ta’ Dr. Lillian Sciberras, li ngħatat ilPremju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba fl-2018, se jkun qed jiġi ċċelebrat f’attività apposta l-Ħadd filgħaxija.
F’dan il-Festival se jkunu mnieda u ppreżentanti kotba ġodda minn diversi eżebituri. Din il-fiera wkoll tinkuraġixxi lit-tfal jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kultura tal-ktieb. Dan permezz ta’ diversi attivitajiet li se jkunu jittelgħu minn diversi esebituri.
Grupp ta’ atturi professjonali mmexxija minn Antonella Axisa se jtellgħu xows kuljum għat-tfal tal-iskola, ibbażati fuq il-kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka tal-2018. Il-Ġimgħa filgħodu l-kittieb u attur Dave Rudden se jtella’ xow speċjali għal studenti tas-sekondarja. Se jaqra u janima biċċiet mit-triloġija fantaxjentifika tiegħu, rebbieħa ta’ premji letterarji. L-attività ‘Promoturi tal-Qari’, imtellgħa mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, tkun mistennija sew, għax fiha jiġu ppremjati tfal li eċċellaw fil-qari jew li b’għemilhom għenu lil ħaddieħor jitjieb f’dilħila.
Ix-xows ta’ DANUSAN se jerġgħu jittellgħu b’wirjiet ibbażati fuq il-kotba rebbieħa talPremju Terramaxka ta’ dis-sena, li jitħabbru fis-serata li tiftaħ il-Festival. ‘Il-Kotba jieħdu l-Ħajja’ huma tliet xows għall-familja kollha li jenfasizzaw l-importanza talkotba u l-qari: il-Ġimgħa fis-7pm, is-Sibt fit-8pm u l-Ħadd fit-3pm.
Ħaġa ġdida għal dis-sena huwa l-aċċess għall-Festival b’servizz ta’ trasport b’xejn kull nofs siegħa minn Bay A tat-Terminus tal-Belt lejn Dar il-Mediterran u lura. Is-servizz huwa pprovdut minn Malta Public Transport.
Għall-aktar informazzjoni wieħed jista jżur is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (www.ktieb.org.mt) jew minfuq il-paġna ta’ Facebook ‘National Book Council (Malta)’.