Il-festival tal-arti li jsir f’pajjiżna, ŻiguŻajg, ġie rikonoxxut mill-Europe for Festivals, Festivals for Europe (EFFE) li jfisser li issa huwa parti minn numru ta’ festivals Ewropej li jispikkaw minn oħrajn f’dik li hija kwalità artistika.
Biex festival jingħata dan ir-rikonoxximent, jrid ikun wieħed li jħalli impatt sinifikanti kemm fuq il-kultura, kemm fuq livell lokali, nazzjonali u Ewropew.
Il-festival, ġie deskritt minn ġurija internazzjonali bħala wieħed “li għandu kwalità artistika għolja.” ŻiguŻajg, meta mqabbel ma’ festival oħra, jispikka fl-impenn biex jiżgura l-involviment tal-komunità fuq livell Ewropew.
Id-Direttur tal-Festival, Daniel Azzopardi, qal li dan ir-rikonoxximent minn network ta’ reputazzjoni għolja bħal dan huwa xhieda tal-ħidma ta’ kwalità għolja fil-produzzjoni ta’ ŻiguŻajg. Azzopardi spjega li fis-snin li ġejjin kollaborazzjonijiet internazzjonali mistennija jiżdiedu biex dan il-festival jibqa’ immarkat fil-kalendarju nazzjonali tal-kultura.
Il-festival ŻiguŻajg se jsir għas-sebà darba bejn is-17 u 26 ta’ Novembru.