Il-festival Malti ‘Glitch’ kiseb mira ġdida fl-aħħar jiem wara li ttella’ b’suċċess f’Melbourne, l-Awstralja, fejn attendiet folla ta’ madwar 6,000 persuna.
Kull ma jmur, l-imħuħ wara l-avveniment qed jespandu l-isem u l-kwalità tiegħu ’l barra minn xtutna u mistenni li, fil-futur qrib, isir avveniment ieħor simili f’Berlin, il-Ġermanja.
‘Glitch’ ġie stabbilit f’Malta fl-2016 u hu l-aktar rinomat għall-festival ta’ fama internazzjonali, li jseħħ kull sena f’pajjiżna matul Awwissu.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se sseħħ bejn it-13 u s-16 ta’ Awwissu, waqt li jirriżulta li l-biljetti huma diġà kważi kollha mibjugħin.
Dan mistenni jattira wkoll, għal darb’oħra, konkorrenza qawwija ta’ turisti, fosthom mill-Awstralja, mir-Renju Unit, mill-Ġermanja, minn Franza, l-Olanda u anke mill-Amerka.