Aktar minn 85 għaqda tal-logħob tan-nar lokali u internazzjonali se jieħdu sehem fil-Festival Internazzjonali tan-Nar ta’ Malta, bejn it-22 u t-30 t’April, fil-Port il-Kbir u f’Għawdex.
L-ewwel żewġ iljieli, b’diversi għaqdiet tan-nar lokali u internazzjonali jikkompetu f’kategoriji differenti, se jsiru fil-Port il-Kbir it-Tlieta 22 u l-Ġimgħa 25 t’April. Fit-tielet lejl, is-Sibt 26 t’April, il-Festival se jmur in-Nadur, Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru t’Għawdex.
Fir-raba’ lejl, l-Erbgħa, 30 t’April, il-Festival jagħlaq fil-Port il-Kbir, hekk kif Malta tfakkar il-21 anniversarju mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Din is-serata finali se tinkludi wirjiet minn diversi timijiet tal-logħob tan-nar, fosthom l-Għaqda tan-Nar Kerċem, ir-rebbieħa tal-festival tas-sena li għaddiet, kif ukoll wirja finali b’sorpriża, li se tixgħel il-port storiku tal-Belt Valletta b’sinerġija ta’ piroteknika u innovazzjoni teknoloġika.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg saħaq dwar l-importanza tal-festival bħala ċelebrazzjoni tal-wirt kulturali tal-pajjiż, filwaqt li jsaħħaħ il-Gżejjer Maltin bħala destinazzjoni li toffri esperjenzi ta’ kwalitá u awtentika lil dawk li jżuruhom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li dan l-avveniment jgħaqqad it-tradizzjoni piroteknika Maltija mal-innovazzjoni, waqt li jkompli jikber u jżid il-valur tiegħu bħala parti essenzjali mill-kalendarju ta’ avvenimenti kulturali ta’ Malta.
“Dan sar festival importanti ħafna fil-kalendarju t’avvinementi ta’ pajjiżna. Fil-fatt qed nibnu fuqu biex nippromwovu pajjiżna fit-tradizzjoni tal-istorja tagħna. X’hemm aħjar mil-logħob tan-nar biex nippromwovu dan il-pajjiż milli jattira turisti s-sena kollha u t-turisti wkoll se jiġu Malta speċifikament għall-Festival tal-Logħob tan-Nar, filwaqt li nkunu qed ingawdu dan l-ispettaklu fil-Port il-Kbir u anke f’Għawdex, biex igawdu wkoll dak li joffri l-pajjiż tagħna.”
Carlo Micallef – Kap Eżekuttiv, MTA
Kif spjega l-President tal-Għaqda Piroteknika Maltija Dr Godfrey Farrugia għall-ewwel darba, il-Festival tan-Nar se jinkludi wkoll is-sehem ta’ baned minn diversi lokalitajiet.
“Is-sehem ta’ Għaqda Piroteknika Maltija hu wieħed konsultattiv u tekniku. Ir-relazzjoni tagħna mal-organizzaturi tal-Malta Fireworks International Festival huwa wieħed tajjeb u aħna nagħtu sehemna billi nagħtu l-opinjonijiet esperti tagħna.”
Dr Godfrey Farrugia – President tal-Għaqda Piroteknika Maltija
