Il-Festival Gaulitana jirritorna bejn it-8 ta’ Marzu u s-7 t’April 2019, b’edizzjoni li se tkun marbuta mat-tema “Il-Mara fis-Socjeta`”. Il-festival ħa spunt mill-Manon Lescaut (l-opra magħżula għal din is-sena) u se jenfasizza l-irwol tal-mara fl-arti u fis-soċjeta`.
Din il-festa ta’ arti se tipprezenta attivitajiet relatati ma’ dan is-suggett: esibizzjoni minn artisti femminili Ċinizi u taħditiet intitolati “Women in Music” u “Women in Society”, waqt li l-kunċerti se jinkludi numru ta’ xogħlijiet miktubin minn kompożituri nisa. Barra min hekk, Clara Schumann se tiġi kkommemorata f’għeluq il-200 sena mit-twelid tagħha permezz ta’ diskussjoni, żewġ kunċerti u l-iscreening tal-film “Song of Love”.
Gaulitana se jiċċlebra ukoll żewġ nisa – Marcelline Agius, li qed tagħlaq 25 sena bħala leader tal-Malta Philharmonic Orchestra, u Miriam Gauci, Honorary Patron tal-festival. Agius se tkun s-solista għall-“Lark Ascending” fis-Symphonic Concert ta’ l-MPO li se jiftaħ il-festival. Gauci, mill-banda l-oħra, se tinterpreta l-irwol prinċipali fil-Manon Lescaut, l-opra ta’ Puccini li se tkun qed tittella’ hawn Malta wara nuqqas ta’ 22 sena.
Il-festival se jkollu numru ta’ artisti lokali u internazzjonali, fosthom il-vjolinista tal-Warner Classics Davide Alogna, il-Forte Trio mill-Kazakhstan, il-ControArco Consort u l-flawtista rinomat Enzo Caroli. Barra minn hekk, l-iSteelWind Chamber Saxophone Quartet se jdoqqu ġewwa it-Tempji tal-Ġgantija waqt li Reggie Clews jinterpreta l-24 Kapriċċ ta’ Paganini waqt “A Trail of Victoria” ġewwa 3 kappelli.
Alexander Frey għal darb’ohra se jkun l-Artist-in-Residence f’edizzjoni li se tospita l-esibizzjoni “Puccini: The Artist & The Man”. Il-programm eċċitanti ta’ attivitajiet jinkludi l-Espresso series ġewwa ċ-Ċittadella, l-MusicAlive series, avvenimenti li jippreżentaw mużika live lil udjenza aktar estiża, flimkien mal-GAULearn, il-programm edukattiv tal-festival.
Gaulitana huwa parti mill-Gozo Cultural Support Programme tal-Arts Council Malta f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex. Booking ghall-Manon: www.teatruaurora.com/79045779