Nhar il-Ħadd li ġej se tiġi organizzata edizzjoni oħra tal-Festival Agrarju tal-Patata fil-Pjazza San Mattew, fil-limiti Tal-Maqluba, mit-tmienja ta’ filgħodu ’l quddiem.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li, f’din l-attività, se jkun miftuħ għall-pubbliku wkoll il-Ġnien tal-Kmandant li kien mibni minn Sir Alexander Ball fil-bidu tas-Seklu Dsatax.
Għal dan il-festival se jkun hemm diversi bankarelli armati, b’ikel tipikament Malti, inkluż il-prodott agrarju Malti tal-patata.
Importaturi u esportaturi tal-patata mill-Qrendi se jkunu qed jesebixxu l-prodotti tagħhom u l-makkinarju li jintuża biex tinżera’ u tinħasad il-patata.
Sadanittant minn nofsinhar ’il quddiem se jkun hemm spettaklu pprovdut minn diversi skejjel ta’ żfin u kantanti lokali, kif ukoll attivitajiet għat-tfal. Il-grupp popolari The Busker se jkun qed jagħlaq dan il-festival b’kunċert mużikali.