Fil-festi tal-Milied ma gawdewx biss il-familji, iżda anke marru tajjeb is-sidien tar-ristoranti u l-lukandiera.
Fi kliem il-President tal-MHRA, Tony Zahra, il-festi tal-Milied raw aktar kummerċ riżultat anki tal-flus fil-but li għandhom in-nies:
“Il-feel good factor qiegħed hemmhekk bla ebda dubju, u jidher li l-purchasing power tan-nies żdied mis-sena ta’ qabel. U dan huwa xi ħaġa pożittiva, speċjalment għar-ristoranti u postijiet oħra fejn isir in-negozju”.
Fi klima ekonomika pożittiva, anki t-temp sabiħ għalkemm ftit kiesaħ li ħassejna f’dawn il-jiem ra lis-sidien tal-istabbilimenti tal-ikel u l-lukandiera jmorru tajjeb ħafna. Zahra qali li “waħda mill-affarijiet li kien hemm, li kien favur tagħna din is-sena, kien it-temp. It-temp dejjem huwa importanti bħal dawn iż-żminijiet għax ovvja iktar ma jkun hemm xemx u temp sabiħ iktar in-nies jitħajru joħorġu u allura għandna ċans aħjar fir-restaurants u fil-lukandi sintendi jiġu n-nies minn barra u jieħdu gost bit-temp ukoll”.
Tal-istess opinjoni huwa Joe Muscat mill-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu. Għawdex, li spiċċa ż-żmien tiegħu li jara siegħa xogħol fis-sajf u fil-festi ra influss akbar ta’ nies f’dawn iż-żminijiet:
“Jidher li dan kien perjodu ieħor tajjeb għas-settur turistiku f’Għawdex u d-diversi operaturi fid-diversi setturi li għandna, fosthom tal-akkomodazzjoni kif ukoll l-iktar imbagħad tal-catering establishments u r-ristoranti rrapurtaw li kellhom ġranet festivi illi kienu bieżla ħafna”.
Filwaqt li tkellem ukoll dwar is-suq turistiku domestiku għaliex il-Maltin qasmu l-fliegu bil-bosta biex igawdu l-festi f’Għawdex, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija jħares ukoll b’ottimiżmu għaż-żminijiet tal-ewwel tas-sena fil-gżira tat-tliet għoljiet:
“Qegħdin nistennew ukoll li l-istess jiġri għal ġimgħa li ġejja għall-aħħar tas-sena fejn ovvjament f’dawn il-ġranet, Għawdex għandu kalendarju imballat b’attivitajiet marbuta ma’ dawn iż-żminijiet sbieħ tal-Milied”.