Id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni qed tħaddem l-ewwel arranġament tax-xorta tiegħu sabiex toffri għajuna adizzjonali lill-Kunsilli Lokali ħalli jitnaddfu l-ibliet u l-irħula wara l-festi.
Dan b’mod speċjali hekk kif dan huwa l-ewwel Sajf li l-attivitajiet tal-massa qegħdin isiru mingħajr restrizzjonijiet tal-pandemija inkluż il-festi tradizzjonali.
B’hekk id-domanda għat-tindif wara tali attivitajiet żdiedet iżda b’mod parallel żdiedet ukoll il-ħidma minn din id-diviżjoni biex tkun assigurata l-indafa pubblika.
Fil-fatt, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara spjega x’jikkonsisti dan l-arranġament, f’għajnuna lill-Kunsilli Lokali.
“Qegħdin nissuplixxu ammont kbir ta’ kontenituri tal-iskart prattikament f’kull festa u ovvjament wara li jiżżarma l-armar tal-festa nidħlu wkoll sabiex nnaddfu z-zuntier tal-knisja, sabiex naħslu z-zuntier tal-knisja, sabiex nnaddfu ż-żona fejn tkun saret il-festa. Hekk nagħtu lura lill-pubbliku, wara l-festa, l-lokalità nadifa u tkun tista’ tkompli titgawda tul is-sena.”
Huwa żied jgħid kif din l-għajnuna qed tkun milqugħa tajjeb mill-Kunsilli Lokali, li qegħdin isibu lid-Diviżjoni ta’ spalla f’tindif li jkollu jsir biex il-lokalitajiet jitħallew f’kundizzjonijiet xierqa.
Din m’hijiex l-unika għajuna li d-Diviżjoni tagħti lill-Kunsilli Lokali matul is-sena, hekk kif b’mod kollettiv tliet miljun ewro jkunu nvestiti f’għajnuna addizzjonali lill-Kunsilli biex tinżamm l-indafa madwar il-pajjiż kollu.
Il-ħidma li bħalissa qed twettaq l-istess Diviżjoni tipprepara wkoll għall-ewwel xita li ġeneralment tkun waħda fejn volumi kbar ta’ ilma jinżlu fi ftit tal-ħin fuq pajjiżna.
“Mal-ewwel xita jinġarrlek kollox jiġi jinġemalek dan l-iskart fuq l-ispralli tal-ilma tax-xita li jinsabu fit-toroq tagħna u ovvjament imbagħad jibdew jinħolqu l-għargħar li ma tantx huma tajjeb illi jkollna fit-toroq tagħna.”
Deguara stqarr kif dan ix-xogħol jsir matul is-sena u se jkompli jsir anki b’antiċipazzjoni tal-ewwel xita b’saħħitha tal-istaġun wara dik li kellna ftit tal-jiem ilu.
B’hekk, minkejja li importanti li jitnaddfu l-ispralli u l-pajpijiet ta’ taħt it-toroq, it-tindif fit-toroq arterjali u distributorji tal-pajjiż huma kruċjali biex jkun evitat li jinġema’ l-ilma.
L-istess jista’ jingħad għall-indafa fuq il-bajjiet madwar il-pajjiż li huwa importanti li ma jakkumulawx ammonti kbar ta’ skart minħabba konsegwenzi diversi.
Dwar dan, Deguara spjega kif żdieded il-frekwenza tat-tindif fuq il-bajjet għal bosta drabi kuljum.
“Żidna l-frekwenzi ta’ tindif fuq il-bajjiet l-aktar popolari għal tliet darbiet kuljum. Hemm bajjiet oħrajn li huma inqas popolari li jsir it-tindif darbtejn kuljum.”
Id-Direttur Ġenerali temm jappella għar-responsabbiltà tal-pubbliku li waqt li jkun qed jirilassa xorta waħda jirrispetta lil ħaddieħor u jiddisponi mill-iskart tiegħu b’mod adegwat.
“Ovvjament l-appell huwa għall-pubbliku sabiex jikkopera billi f’dan il-perjodu fejn għandek ħafna nies bil-leave, bix-shutdown, ikollok aktar nies illi joħorġu kemm filgħodu u kemm filgħaxija. Huwa importanti ħafna illi l-iskart jintrema fejn suppost.”