Wara nuqqas ta’ diversi snin, l-istazzjon ONE reġa’ beda jxandar u jwassal il-festi madwar il-lokalitajiet Maltin u Għawdxin lit-telespettaturi bil-programm Mill-Festa li jixxandar il-Ħadd filgħaxija.
Il-programm se jxandar ukoll festi li jsiru matul il-ġimgħa.
ONE News tkellem mal-preżentatur Aaron Zahra li huwa wieħed mill-preżentaturi tal-programm Mill-Festa.
Qalilna li l-istazzjon ONE mhux biss qed ixandar il-festi, iżda qed jagħti stampa ta’ kwalità permezz tal-investiment li sar din is-sena mill-ONE, jiġifieri x-xiri tal-outside broadcasting unit 4K.
“Din is-sena hija xi ħaġa ġdida wkoll fejn jidħlu xandir fil-festi għaliex l-istazzjon tagħna ONE qiegħed jinvesti bl-outside broadcasting unit, u allura qegħdin inxandru bit-teknoloġija ultra moderna 4K.” Qal Zahra.
Il-programm ingħata l-bidu tiegħu mill-festa tal-Madonna tal-Karmu fil-Fgura, kompla bix-xandira tal-festa ta’ San Ġużepp il-Kalkara.
Fi tmiem din il-ġimgħa se tintwera l-festa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid u l-Ħadd ta’ wara l-programm se jixxandar mill- Kapitali, bil-festa f’ġieh San Duminku.