Il-moti ta’ festa mill-kampnar daqqew, iżda n-nies ma ħarġux. Il-banda baqgħet siekta u t-toroq tal-madwar baqgħu vojta min-nies, għajr għal xi anzjana li ħarġet tinvista lil Ġesu Ewkaristija.
F’jum il-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat, fl-elfejn wieħed u għoxrin, iddomina biss il-ftit tiżjin fit-triq u t-twieqi, u l-bnadar kalmi fuq l-arbli tal-bjut.
Is-skiet ta’ knisja vojta, b’bieb magħluq u mżejna bid-damasak u gandlieri tal-fidda waqt il-paninġierku tal-festa, inkiser biss bil-melodja tal-arpa.
ONE News tkellem mal-Gwardjann tal-Patrijiet tal-Knisja ta’ San Ġużepp fir-Rabat Fr Martin Coleiro, fejn spjega l-atmosfera tal-festa għal din is-sena.
“Nistgħu ngħidu li b’xi mod gawdejniha, nitgħallmu dejjem illi fl-aħħar mill-aħħar San Ġużepp ma jfirrisx biss l-armar, il-ħruq tan-nar, il-baned u l-pavaljun. San Ġużepp ifisser li jkun f’qalbna u naħseb ilħaqnih l-iskop.”
Is-Sala tal-każin tal-Għaqda Mużikali l-Isle Adam, li s-soltu tara wkoll għexieren ta’ nies ferriħija, kienet ukoll imneżża mill-ilbies ta’ festa.
Tkellemna mar-Rettur tal-Arċikonfraternità tar-Rabat, Anthony Casha, li tenna kif il-messaġġ din is-sena wasal permezz tal-midja soċjali.
“Qed niċċelebraw festa bl-aħjar mod u bli nistgħu nagħmlu u dak kien l-għan tagħna li minkejja ċ-ċirkostanzi preżenti kollha, iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja għalkemm huma ridotti ħafna però li jitwasslu għand in-nies b’mod ieħor.”
Minn hawn qbadna t-triq lejn il-kamra tan-nar tal-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu, fejn iltqajna mad-dilettant Rabti Bernard Cauchi.
Huwa spjega li minkejja b’differenza, din is-sena xorta ħarqu xi murtali kkuluriti biex jimmarkaw dan il-jum solenni. B’murtall minnhom kien iddedikat għall-dawk kollha li jinsabu f’fuq quddiem nett fil-ġlieta kontra l-imxija.
“Aħna l-programm din is-sena kien wieħed ridott għall-ewwel ta’ Marzu, lejliet il-festa u nhar il-festa u kif ħarġu r-resitrizzjonijiet konna diġa’ ħraqna u ddeċidejna li naħarqu fil-ġurnata liturġika ta’ San Ġużepp.”