San Girgor il-Kbir, Papa u duttur tal-Knisja.
Propju l-Erbgħa ta’ wara l-Għid, f’Malta tiġi ċċelebrata din il-festa ta’ ġieħ għal dan il-qaddis iżda għal din is-sena, minħabba l-imxija tal-Coronavirus, il-purċissjoni bi tradizzjoni antika saret mill-Arċisqof waħdu flimkien ma’ xi ftit saċerdoti.
Il-President tal-għaqda Wirt iż-Żejtun, il-Perit Ruben Abela spjega kif San Girgor huwa qaddis b’rabtiet mal-imxija tal-mard, bħal pesta.
Huwa spjegalna: “Huwa sinjal ta’ pellegrinaġġ dan, pellegrinaġġ penitenzjali, jiġifieri dik kienet l-oriġini tagħha u wkoll inċidentalment kellha anki, jista’ jkun rabtiet mal-pesta, mal-imxija ta’ pesta. Ma nafux eżatt ma’ liema waħda hi, però anki l-qaddis San Girgor per se għandu wkoll konjutazzjonijiet u rabtiet mal-imxija tal-pesta għaliex fis-sena 590 kien hemm il-pesta l-kbira ġewwa Ruma, il-black death.”
Filwaqt li l-pellegrinaġġ penitenzjali qabel kien jibda mill-Imdina għaż-Żejtun, dak tal-lum isir mill-kappella ta’ San Klement, għal Knisja parrokkjali ta’ Santa Katerina u imbagħad għal Knisja antika ta’ San Girgor li tinsab fit-tarf tar-raħal.
Waqt li segwejna l-Arċisqof għaddej bil-pellegrinaġġ, in-nies illum xirfu mit-twieqi u l-gallariji biex segwew din il-purċissjoni li ma kellhiex serbut twil ta’ fratelli magħha, minħabba l-pandemija.
Is-Sur Abela sostna: “Tista’ tgħid kienet waħda mill-festi nazzjonali fejn mhux biss iż-Żwieten imma tista’ tgħid il-poplu Malti kollu kien jattendi bi ħġaru għal din il-purċissjoni u wara kulħadd kien jerħilha għal Marsaxlokk.”
F’Marsaxlokk, ir-raħal tas-sajjieda morna wkoll u ma lmaħniex b’nemes xi nies max-xatt, fejn qabel lanqas kienet toqgħod labra.
Fil-fatt f’dan ir-raħal pittoresk uħud kienu jagħmlu l-ewwel għawma iżda llum l-atmosfera kienet għal kollox differenti.
Il-President ta’ Wirt iż-Żejtun spjega kif il-festa ta’ San Girgor hija festa folkloristika.
Is-Sur Abela kompla jispjega: “Waranofsinhar l-għannejja kienu jinġabru Marsaxlokk u kienu jinġabru f’qatgħat u ġgajtiet u jagħmlu l-għanjiet tagħhom u jqabblu l-għana max-xatt ta’ Marsaxlokk.”