Waqt it-18-il sessjoni tal-Kumitat Intergovernattiv għall-Ħarsien tal-Patrimonju Intanġibbli tal-Umanità, li saret fil-Botswana, il-festa Maltija ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.
L-applikazzjoni għall-festa Maltija kienet ippreżentata mill-Għaqda Każini tal-Banda u sabet l-appoġġ sħiħ tal-Kurja Maltija u l-komunitajiet tal-festi Maltin. L-applikazzjoni daħlet għand il-UNESCO fl-2021 u l-proċess kien kontinwament mgħejjun mill-Uffiċċju għall-Wirt Intanġibbli fi ħdan id-Direttorat tal-Kultura u l-espert inkarigat, Jean Paul Baldacchino, li hu professur tal-Antropoloġija fl-Università ta’ Malta.
Kien ix-xahar li għadda, meta l-kumitat tekniku, li jeżamina kull applikazzjoni li tidħol għar-rikonoxximent tal-UNESCO bħala wirt intanġibbli, irrakkomanda li l-festa Maltija tkun miżjuda fil-lista ta’ patrimonju intanġibbli tal-umanità.
Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-kumitat tekniku faħħar il-mod eżemplari li bih kienet ippreżentata l-applikazzjoni, kif ukoll il-produzzjoni awdo-viżiva li saret biex takkumpanja din l-applikazzjoni, liema produzzjoni kienet magħżula bħala waħda mill-aħjar prattiċi fejn jidħlu l-applikazzjonijiet.
Kien imfaħħar ukoll is-sehem tal-Gvern biex isostni lill-komunità lokali fl-applikazzjoni tagħha.
B’dan l-aspett kien innotat mill-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici, f’kumment ma’ ONE News, fejn sostna li din l-aħbar hi ta’ sodisfazzjon.
“Għandna aspett ieħor, it-tielet aspett kulturali intanġibbli, li hu tant importanti li hu meqjus bħala wirt dinji mill-UNESCO, li hi xi ħaġa sabiħa mmens, għax Malta, pajjiż ġeografikament żgħir, hu kbir fejn tidħol il-kultura. It-tieni nett, din titfa’ obbligu fuqna, responsabilità fuq il-pajjiż li jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex ikompli jissalvagwardja l-festi Maltin u jkompli jara li dawn jiffjorixxu u jimxu ’l quddiem.”
Il-Ministru Bonnici qal ukoll ma’ dan l-istazzjon, li l-UNESCO nnotat ukoll l-inklussività li tħaddan il-festa Maltija.
“Il-fatt li l-festi jġibu flimkien lil kulħadd fil-komunità. L-aspett li kulħadd għandu sehem fil-festa ntogħġob ħafna u naħseb dak li hu aspett li rridu niċċelebraw u rridu nkomplu nenfassizaw li l-festa hi attività li tgħaqqad lill-popli ta’ diversi rħula u bliet.”
Il-Ministru Bonnici tenna li l-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fil-festi, hekk kif qed jissalvagwardja dawk il-każini tal-baned li kienu fir-riskju li jispiċċaw mingħajr soċjetà mużikali.
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti mal-ġurnalisti li din hi aħbar sabiħa għal pajjiżna.
“Tfisser ukoll ir-relazzjoni eċċellenti li għandna l-UNESCO. Tfisser ukoll il-ħafna ħidma targeted li għamilna biex is-settur tal-festi nkomplu nsaħħuh. Irrid naturalment insellem lill-eluf ta’ voluntieri li jimmilitaw f’dan is-settur tant importanti u kienet ukoll importanti d-deċiżjoni politika, li ħadna xhur ilu li ninvestu fil-każini tagħna.”
🎉 Big news for Malta's cultural scene! 🇲🇹
— •Owen Bonnici (@OwenBonnici) December 6, 2023
The Maltese Festa is now officially recognized as Intangible Cultural Heritage of Humanity by @UNESCO.
Kudos to the incredible volunteers who bring festas to life across the islands! 👏#MaltaCulture #UNESCOHeritage pic.twitter.com/3LGwgaejUG