Il-festa Maltija se tkun qed tiġi inkluża mal-lista tal-UNESCO tal-wirt intanġibbli tal-umanitá wara li tħabbret ir-rakkomandazzjoni.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Wirt Kulturali u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici waqt l-estimi finanzjarji tas-settur tal-kultura.
Qal, “Tħabbret ir-rakkomandazzjoni mill-iktar pożittiva sabiex il-festa Maltija tkun inkluża mal-lista tal-UNESCO tal-wirt intanġibbli tal-umanitá.”
Din l-aħbar tfisser li fil-konferenzi tal-UNESCO, li se ssir fil-Botswana kmieni x-xahar id-dieħel, kemm-il darba tgħaddi r-rakkomandazzjoni tal-kumitat tekniku – il-festa Maltija se tingħata dan ir-rikonoxximent.
Il-Ministru Bonnici spjega kif din hi aħbar mill-isbaħ hekk kif il-festa Maltija hija ferm għall-qalb il-Maltin u l-Għawdxin u għalhekk din l-aħbar tgħamlilna unur.
Spjega kif jinsab fiduċjuż li r-rakkomandazzjoni tfaħħar ħafna l-ħidma biex tkun ippreżentata n-nominazzjoni għandha tgħaddi mingħajr diffikultajiet.
Hu faħħar il-ħidma kbira li saret mill-Għaqda Każini tal-Banda li ressqu n-nominazzjoni f’isem pajjiżna, lill-organizzazzjonijiet u entitajiet li taw l-appoġġ tagħhom flimkien mat-tim responsabbli mill-wirt intanġibbli ta’ pajjiżna fi ħdan id-Direttorat tal-Kultura.
Temm billi qal li l-festa Maltija hija l-fulkrum ta’ ċelebrazzjonijiet fil-komunitajiet tagħna u element kulturali mill-aktar b’saħħtu f’pajjiżna qed tiġi kkunsidrata għal dan ir-rikonoxximent.