Fil-Buskett, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali nieda l-Festa tal-Imnarja għal din is-sena. Festa li hija ferm importanti fil-kalendarju tagħna l-Maltin.
Kemm il-Ministru Anton Refalo u anki s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said stqarrew li din is-sena, l-Imnarja se tkompli tissaħħaħ biex jinżammu t-tradizzjonijiet marbuta ma’ din il-festa. Huma tennew li dawk involuti fis-settur agrikolu ser ikollhom l-opportunità li juru l-prodotti u l-bhejjem tagħhom.
L-Imnarja, se tkun mifruxa fuq għadd ta’ jiem u se tara l-bidu tagħha nhar is-Sibt 22 ta’ Ġunju fl-10.30 ta’ filgħodu bil-parata tal-Bandu mill-Imdina għar-Rabat. Il-programm tal-kompetizzjonijiet tal-annimali mbagħad se jibdew fil-25 ta’ Ġunju bil-klieb tal-fenek u tal-kaċċa ta’ Malta. L-għada mbagħad ikun hemm il-kompetizzjoni tal-ekwini, il-Ħamis 27 ta’ Ġunju issir dik tal-mogħoż u n-nagħaġ, u l-qofol jintlaħaq bit-tluq tal-parata taż-żwiemel bil-karettuni u l-karrozini mis-Saqqajja għall-ftuħ uffiċjali.
Il-Maltin u t-turisti mistennija joħonqu l-ġonna tal-Buskett għall-programm imżewwaq b’kompetizzjonijiet tal-annimali, wirjiet ta’ ħxejjex u frott, daqq u żfin tradizzjonali Malti, u ikel u xorb.
ONE News ħa l-kummenti tad-Direttur Għall-Affarijiet Rurali, Saviour Debono Grech li tkellem dwar l-importanza ta’ din il-festa.
“Il-festa tal-Imnarja huwa mportanti li tibqa ħajja għax tagħti l-importanza lill-bdiewa u raħħala Maltin, biex jesebixxu l-prodott u l-bhejjem tagħhom għax hija festa li ġejja minn żmien il-Kavallieri. Ħadna ħsieb biex din l-Imnarja nerġgħu nagħtuha xejra differenti. Il-wirjiet tal-annimali se jkunu maqsuma fuq ġranet differenti biex b’hekk il-pubbliku jkun jista jattendi u japprezza ix-xogħol li jagħmel il-bidwi u r-raħħal Malti.”