Il-Bank of Valletta qed iniedi sett ġdid ta’ prepaid cards fuq is-suq bit-tema magħżula din is-sena tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, b’kull waħda mill-erba’ kards disponibbli turi elementi differenti tal-kunċett tal-festa.
Il-BOV Mastercard Prepaid Cards jiġu f’erba’ denominazzjonijiet ta’ EUR 50, EUR 75, EUR 100 u EUR 150. Wieħed jista’ jagħżel li jixtri kard speċifika, jew li jixtri s-sett sħiħ għall-valur ta’ EUR 375. Il-kards jistgħu jintużaw onlajn jew fil-ħwienet, kull fejn tiġi aċċettata l-Mastercard.
“Il-Bank of Valletta huwa kburi li ntgħażel bħala s-sieħeb preferut tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Għalhekk iddeċidejna li nimmarkaw din l-okkażżjoni b’sett ġdid ta’ BOV Mastercard Prepaid cards, u b’hekk inkunu qed nagħtu ġieħ lill-Kapitali Ewropea tal-Kultura,” spjega Charles Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta.
Is-Sur Ivo Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-Electronic Banking spjega li, “Hekk kif pajjiżna qed jiċċelebra dan l-avveniment ewlieni fl-istorja tiegħu, dan is-sett ta’ kards iservi ta’ idea għal rigal oriġinali għal kulħadd, minbarra li huma collector’s item.” Spjega wkoll li b’dawn il-cards jiġi offrut serħan tal-moħħ u versatilità.
Id-denominazzjoni sħiħa tal-kard tkun disponibbli għall-klijent. Dan ifisser li l-kard innifisha tiġi mingħajr ħlas. Wieħed jista’ jivverifika l-bilanċ tal-kard billi jdaħħalha fi kwalunkwe ATM tal-BOV, jew billi jikkuntattja lill-Customer Service Centre tal-Bank fuq 2131 2020.
Id-dettalji kollha dwar il-BOV Mastercard Prepaid Cards, inkluż it-termini u l-kundizzjonijiet relattivi huma disponibbli fuq www.bov.com.