Quddiem sitwazzjoni li żviluppat fi Freshers’ Week fl-Università ta’ Malta organizzata mill-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), Żgħażagħ Laburisti fi stqarrija saħqu li ċ-ċensura m’hemmx lokha u l-libertà tal-espressjoni amministrata b’rispett għandha titħalla b’mod ħieles mingħajr ma ħadd jipprova joħnoqha.
Żgħażagħ Laburisti esprimew is-solidarjetà mal-Moviment Graffiti wara li l-istand tagħha kienet allegatament żarmata mill-organizzaturi.
Bħala fergħa żagħżugħa, esprimew it-tħassib tagħhom għal dan l-aġir li jiċċensura suġġetti li minkejja s-sensittività tagħhom, m’għandhomx jitneħħew minn fuq il-mejda tad-diskussjoni. Lil hinn mis-suġġett, il-libertà tal-espressjoni li hi amministrata b’rispett m’għandhiex tkun maħnuqa.
Dak li ġara fl-Università, iħassibna. Bħal f’kull istituzzjoni edukattiva oħra, għandu jkun promozzjoni tal-ħsieb kritiku u liberu għax nemmnu li dawn l-istituzzjonijiet għandhom ikunu laboratorji ta’ ideat, u ħsieb, aktar milli jkollok grupp ta’ individwi li jiddeċiedi hu x’suġġetti jkunu diskussi u mqajma. Fl-aħħar snin iddaħħlu liġijiet mil-leġislatur li jsaħħaħ il-ġlieda kontra ċ-ċensura, u nħossu li jkun ta’ għajb li jkollok deċiżjonijiet li jreġġgħu l-arloġġ lura.
ŻL
Sadanittant Nisa Laburisti, ukoll urew is-solidarjetà mal-Moviment Graffitti.
Intqal li NL;
Temmen li l-Universita’ ta’ Malta għandha sservi ta’ forum fejn kulħadd iħossu liberu li jiddiskuti temi differenti nkluż dawk marbuta mas-sistema riproduttiva tal-mara. Għaldaqstant NL tħoss li dan l-aġir għandu jkun iddeplorat għax qed joħnoq il-liberta’ tal-espressjoni.
Fergħa oħra, IDEAT, saħqet li hi x’inhi l-opinjoni, id-dritt tal-espressjoni qatt m’għandha tiġi maħnuqa.