Il-fergħat tal-Partit Laburista qed iżommu ċ-ċentru ħaj bl-attiviżmu politiku tagħhom. Daqstant ieħor fihom issib atmosfera ta’ familja.
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela fi tmiem diskussjoni mal-fergħat tal-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Diskussjoni li wriet il-pjan qawwi ta’ ħidma li għandhom dawn il-fergħat għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Fil-fatt Nisa Laburisti, Żgħażagħ Laburisti, is-Sezzjoni Kunsilliera, Veterani Laburisti u l-IDEAT ilkoll ddiskutew mal-Prim Ministru u l-amministrazzjoni tal-Partit il-pjan ta’ ħidma tagħhom għaż-żmien li ġej, anke bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Ġunju ta-sena d-dieħla.
Pjan ta’ ħidma b’saħħtu li jkompli jippromwovi l-prinċipji soċjal demokratiċi tal-Partit Laburista, li mill-Gvern dejjem ġab differenza pożttiva għal ħafna u mhux għal ftit.
Filwaqt li ta aġġornament ta’ kif il-Gvern għaddej bl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali Laburista, bl-implimentazzjoni għaddejja b’ritmu tajjeb ħafna, il-Prim Ministru sema’ dwar temi ta’ importanza nazzjonali.
Wara l-laqgħa l-Prim Ministru kummenta kif dejjem ikun ta’ pjaċir għalih li jkollu dawn id-diskussjonijiet mal-fergħat tal-Partit u ħeġġeġ lil dawk interessati biex jikkontribwixxu ħalli jersqu lejhom.
“Kulħadd jitkellem dwar kif hi esperjenza mill-isbaħ li tagħmel differenza pożittiva,” saħaq il-Prim Ministru.