Il-fergħa taż-Żgħażagħ tal-Partit Laburista organizzat diskussjoni virtwali dwar il-White Paper tal-użu resposabbli tal-kannabis li nieda l-Gvern għal konsultazzjoni.
L-Uffiċjal Politiku ta’ Żgħażagħ Laburisti, Miguel Cauchi spjega kif waslu għal pożizzjoni ċara dwar is-suġġett wara li f’Settembru li għadda ressqet mozzjoni fil-Laqgħa Ġenerali Annwali. Minn hemm beda perjodu ta’ diskussjoni u riċerka li wassal biex Żgħażagħ Laburisti jippreżentataw suġġerimenti bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika.
Qal, “Aħna il-Policy Paper tagħna intitolajnieha bħala l-użu personali u b’mod responsabbli, jiġifieri aħna qed inħarsu mhux lejn użu rikreattiv jew normalizazzjoni tal-użu kif ovvjament ħa nispjega aktar ‘il quddiem imma lejn użu personali u b’mod responsabbli.”
Nikita Zammit Alamango, President ta’ Nisa Laburisti sostniet l-appoġġ tal-fergħa immexxija minnha għall-ħidma mwettqa minn Żgħażagħ Laburisti.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef ta ħarsa lejn il-proċess intern tal-Partit dwar din ir-riforma, u l-importanza li l-Partit iressaq l-opinjonijiet tiegħu fuq livell nazzjonali u li jkun katalist tal-bidla b’parteċipazzjoni attiva.
Intervjena wkoll l-Avukat Alex Scerri Herrera li ħadem fuq il-White Paper. Huwa spjega li l-prinċipji tagħha huma d-dekriminilizazzjoni, kultivar, edukazzjoni u l-projbizzjoni tal-użu fil-pubbliku.
Ipparteċipaw ukoll Andrew Bonello, Presdient tal-Għaqda ReLeaf u Anthony Gatt Cari, Direttur tal-Caritas, li qablu fuq l-importanza ta’ disussjoni nazzjonali dwar is-suġġett.