Il-Bank of Valletta ħabbar li se jerġa’ jiftaħ il-fergħa ta’ Birżebbuġa għada, is-Sibt, 15 ta’ Lulju.
Fi stqarrija l-Bank qal li għalaq l-imsemmija Fergħa nhar l-Erbgħa 12 ta’ Lulju bħala miżura ta’ prekawzjoni, wara evalwazzjoni preliminari tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li qed isiru fi proprjetà ta’ terzi fil-qrib. Il-Bank ried jiżgura li l-protokolli kollha tas-saħħa u s-sigurtà jkunu qed jiġu sodisfatti biex jissalvagwardjaw l-interessi tal-impjegati u l-klijenti tiegħu.
Matul l-aħħar jiem, saret evalwazzjoni dettaljata tal-fergħa minn periti u professjonisti, li stabilixxew li l-post huwa sigur kemm għall-impjegati tal-BOV kif ukoll għall-klijenti.
Il-Bank qal li minħabba l-importanza li jagħti lil kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni se jkunu mmonitorjati mill-qrib biex jiġi żgurat li tinżamm konformità sħiħa mal-protokolli tas-saħħa u s-sigurtà.
Il-bank skuża ruħu għall-inkonvenjent u rringrazzja lil kull min kien involut għall-kooperazzjoni u l-appoġġ f’tali ċirkustanzi.