Fi stqarrija l-Partit Laburista nnota l-aġir tal-fergħa estremista tal-Partit Nazzjonalista, l-għaqda Repubblika li l-President onorarju tagħha Robert Aquilina attakka membri tal-Grupp Parlamentari Laburista wara li Jason Azzopardi talab għal aktar inkjesti maġisterjali, tattiċi meqjusa moqżieża.
Din id-darba Jason Azzopardi talab għal inkjesta fuq id-Dipartiment tal-Artijiet, settur li kien politikament responsabbli minnu hu meta kien Ministru u dwaru hemm mistoqsijiet kbar fosthom fuq l-art tal-Lowenbrau u dik tal-Fekruna.
Il-Partit Laburista sostna li l-fergħa estremista Nazzjonalista lanqas fil-jiem tal-festi ma tipprova tiddistakka ruħha mill-mibegħda u l-intimidazzjoni.
“Il-Grupp Parlamentari Laburista hu parti minn Gvern li reġa’ investa fin-nies u hu l-awtur ta’ ġid soċjali kbir. Għalhekk mgħandu xejn minn xiex jibża’”, qal il-Partit Laburista.
Żieda jgħid li l-ebda att ta’ intimidazzjoni u provokazzjoni mhu se jwaqqaf l-Eżekuttiv tal-pajjiż milli jkompli jwettaq ħidmietu favur il-ġid komuni.
“Jibża’ biss min hu l-awtur tal-ħdura u l-gideb għaliex tal-qerq li joħloq irid iwieġeb. Bħalu jibżgħu min hu rrelevanti u jirkeb fuq l-attakki insensati fuq nies li sempliċiment iħaddnu politika differenti minnhom”, sostna l-Partit Laburista.
Temm jgħid li jekk il-faxxa estremista taħseb li b’tattiċi moqżieża u malinni tista’ ssawwat Gvern u indirettament lill-familji Maltin u Għawdxin, se tkompli ssib Gvern sod li jkompli joħloq il-ġid.