Il-Federazzjoni Maltija għall-organizazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità laqgħet il-proposti tal-Partit Laburista għas-settur tad-diżabilità. B’kollox il-Partit Laburista għandu għoxrin proposta għal dan il-qasam.
F’laqgħa li r-rappreżentanti ta’ din il-Federazzjoni kellhom mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, qalu li l-manifest elettorali tal-Partit Laburista fih affarijiet sbieħ għal dan il-qasam. Qalu li jħarsu ’l quddiem li għall-ħames snin li ġejjin jekk ikun elett Gvern Laburista dan is-settur jibqa’ jingħata priorità bħal ma ngħata fl-aħħar snin meta dan is-settur ġie elevat għal livell ta’ Ministeru.
Il-Federazzjoni qalet li fost l-aktar kruċjali fil-proposti hija dik tal-assistenza personali u qalu li jixtiequ li timxi ’l quddiem fl-ewwel xhur ta’ leġislatura ġdida.
Din il-proposta tgħid li jekk il-Partit Laburista jingħata l-fiduċja se jsir investiment aktar f’servizzi ġodda t’assistenza personali u skemi li bihom persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu ħajja attiva fil-komunità. Għalhekk se jkun qed jinfetaħ ċentru komunitarju ġdid fit-Tramuntana ta’ Malta fejn persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jirċevu taħriġ speċjalizzat biex jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Fost il-proposti ntiżi għal dan is-settur hemm dik li permezz tagħha se tissaħħaħ l-għotja għall-carers ta’ persuni b’diżabilità severa minn ħames mitt ewro fis-sena għall-ekwivalenti ta’ nofs paga minima. Jiġifieri, ġenituri li jkollhom tfal adulti b’diżabilità severa u ma jkunux jistgħ jaħdmu biex jieħdu ħsiebhom. Mis-sena 2023 ser igawdu minn benefiċċju ta’ aktar minn €4,750 fis-sena, li jfisser aktar minn €395 fix-xahar.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Mexxej qal li s-settur tad-diżabilità ngħata prijorità matul l-aħħar disa’ snin ta’ Gvern Laburista u hekk ser jibqa’ jingħata, jekk il-poplu jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista. Qal ukoll li l-proposti marbuta ma’ dan is-settur fil-Manifest Elettorali qegħdin mat-taqsima tal-Ugwaljanza, dan għaliex il-prijorità ta’ Gvern ġdid hi li jġib dawn il-persuni ugwali mal-bqija tan-nies.
Jakkumpanjaw lid-Deputat Mexxej Daniel Micallef, kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli u d-Deputat Laburista Oliver Scicluna.