Patri José Debono ilu jagħmel iż-żejt għal dawn l-aħħar erba’ snin.
Jispjega li, fil-proċess, iż-żejt jinfired minn mal-kumplament taż-żebbuġa, u l-fdalijiet wieħed jista’ jagħmel użu minnhom fil-biedja.
“Il-materjal jgħaddi għal ġos-centrifuge, tissejjaħ, li tifred iż-żejt mil-kumplament li jkun għad baqa’. Iż-żejt joħroġ ġor-reċipjent u jinġabar ġol-kontenituri – preferibbilment ikunu tal-istainless steel. Il-kumplament, permezz ta’ pompi partikolari, joħorġu barra u jintrema barra, jaqa’ ġo fossa, imbagħad wara li jinxef inkunu nistgħu nużawh bħala organic material anke fir-raba”
Meta mistoqsi dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb is-siġar taż-żebbuġ, qal li wieħed irid jieħu ħsiebhom is-sena kollha. Apparti milli jridu jissaqqew, jirrikjedu ħtiġijiet oħra bħal żabra, fost oħrajn.
“Għandek żmien fejn trid tagħti d-demel artifiċjali jew inkella demel naturali tal-baqar. Imbagħad hemm iż-żmien fejn inti trid tiżbor, għal ħabta ta’ Jannar – tneħħilu dawk iz-zkuk illi ma jkunux ipproduċew biżżejjed żebbuġ. Imbagħad għandek iż-żmien tal-fjoritura.”
Kollox jiddependi mis-sena kif tkun. Qal li, minn sena għal oħra, wieħed ikun jista’ jara d-differenza fl-ammont ta’ żebbuġ.
“Minn sena għal oħra jvarja. Hemm min jgħidlek illi siġra taż-żebbuġ sena tagħmel u sena ma tagħmilx. Jien nemmen li s-siġra hija bħal kwalunkwe ħaġa ħajja.”