Qegħdin isiru tħejjijiet biex fil-futur qrib il-fdalijiet ta’ Henry u Inez Casolani jkunu trasferiti għall-qima tal-pubbliku miċ-ċimiterju tal-Addolorata għall-knisja ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta.
Nhar it-Tnejn li għadda ġie ffirmat ftehim bejn il-Provinċja Agostinjana u l-Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani għal dan it-trasferiment.
Il-Koppja Casolani iżżewġu fl-1944 fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt fejn rabbew lil binthom Cecilia Mary, li fl-età ta’ 19 il-sena ingħaqdet mas-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni. Fl-istess Knisja huma saru terzjarji agostinjani. Inez Casolani mietet b’fama ta’ qdusija fl-1992. Henry Casolani miet seba’ snin wara b’fama ta’ qdusija wkoll.
Bħalissa numru ta’ persuni qegħdin jagħtu x-xhieda tagħhom lit-Tribunal li ġie mwaqqaf mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-2015, biex jistudja l-ħajja u l-virtujiet tal-Koppja Casolani.
L-atti tal-investigazzjoni jittieħdu l-Vatikan biex jiġu studjati ukoll mid-Dikasteru tal-Kawżi tal-Qaddisin. Sadanittant qed jinġabru wkoll xhieda ta’ għadd kbir ta’ grazzji maqglugħa bl-interċessjonita’ Henry u Inez Casolani.
Fl-omelija tiegħu, fil-ftuħ tal-Proċess fl-2015, Mgr Arcisqof Charles J. Scicluna iddiskriva lil Henry u Inez Casolani bħala‘l-balzmu li dewwewi l-feriti u l-ġerħa ta’ tant familji.’