Il-qorti rralaxxat għad-difina l-fdalijiet ta’ Janet Harvey, kważi ġimagħtejn wara s-sejba makabra tagħha f’dar f’San Pawl il-Baħar. Il-mara kellha 69 sena kienet ilha mejta aktar minn tliet xhur.
Mill-ewwel stħarriġ kien ġie determinat li l-mara kienet ilha mejta sa mill-14 ta’ Novembru u żewġha Russell Harvey kien ddeċieda li jżomm il-katavru tagħha f’darhom fi Triq San Luqa.
Dakinhar ir-raġel kien inżamm mill-Pulizija wara li ġie arrestat f’ħanut fil-qrib. Fuq rakkomondazzjoni tat-tobba huwa kien ittieħed l-Isptar Monte Carmeli dakinhar stess tas-sejba. ONE News hu infurmat ukoll li r-raġel ġie rrilaxxat mill-isptar fl-aħħar jiem wara diversi testijiet psikjatriċi li saru fuqu.
Sorsi qrib il-Pulizija qalu kif fl-aħħar ħmistax il-Pulizija kelmet fit-tul lil Russell biex tistabbilixxi x’wassal sabiex ħalla l-katavru ta’ martu fl-appartament tagħhom.
Minkejja li l-eżamijiet forensiċi kienu kkonfermaw li Harvey ma kellha l-ebda sinjali ta’ vjolenza, ONE News hu nfurmat li l-Pulizija qed tistenna l-eżitu tal-inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, dwar jekk għandhiex tmexxi kriminalment fil-konfront tiegħu.Fost dawn b’akkużi ta’ moħqrija tal-annimali, hekk kif fl-appartament instabu għadd ta’ qtates mhux f’kundizzjonijiet xierqa flimkien ma’ kelb mejjet.
ONE News hu nfurmat ukoll li fl-aħħar jiem l-esperti maħtura mill-Maġistrat flimkien mal-Pulizija tkellmu fit-tul ukoll ma’ uħud mis-sidien tal-ħwienet tax-xorb li kien jiffrekwenta Russell, u ma’ ħbieb oħra tal-kopja.
Dan sar sabiex jiġi annalizzat il-karattru tar-raġel, sabiex jiġi stabbilit jekk kellux intenzjonijiet kriminali fosthom ta’ frodi wara ż-żamma tal-katavru ta’ martu.