Matul il-jum tas-Sibt anki fuq radju li jxandar mill-istamperija f’tal-Pietà kompliet toħroġ biċ-ċar il-qasma kbira fil-Partit Nazzjonalista.
Iż-żewġ fazzjonijiet, dawk ta’ Delia u ta’ Busuttil, it-tnejn riedu jagħmlu l-ħoss tagħhom u bosta partitarji taż-żewġ fazzjonijiet ċemplu.
Spikkat ir-rabja minn dawk li jappoġġjaw lil Delia, bħala ż-żiemel tagħhom. Huma qalu:
- “Il-Partit mhux tagħhom. Il-Partit tat-tesserati. Min irid joqgħod joqgħod. Min ma jridx jitlaq.”
- “Nagħmlu 6 xhur mexjin sew u nerġgħu nagħtu gambetti.”
- “Min kien responsabbli fil-passat biex jakkumula dak id-dejn kollu. Jekk hemm bżonn jinbiegħ dak il-Headquarters jinbiegħ.”
- “Għandha bżonn riforma A1 il-midja.”
Dawk li jżommu ma’ ta’ Busuttil ma qagħdux lura u bagħtu messaġġi biex jinqraw mill-preżentatur fil-programm. Huma staqarrew:
- “Issa nħoss li għandu jwarrab bl-unuri biex jagħti ċans lil ħaddieħor jipprova.”
- “Jiena kont ivvutajtlek però issa jidher li għandek tħalli f’idejn ħaddieħor jekk jogħġbok.”
- “Proset lil kull min qed jiftaħ ħalqu u l-min qed jattakka u jiddefendi l-Partit tagħna mhux tal-yes-man. Partit li jaqbad il-barri minn qrunu u jieħu azzjoni.”