Il-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista rħewlha jilagħbu logħba ċess kontra xulxin bid-distretti li fihom ser ikunu qed jikkontestaw għall-elezzjoni.
Fost l-oħrajn jidher ċar li l-kandidatura tal-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia qed titqies bħala arma importanti u b’saħħitha li tista’ twassal biex jitħallew l-art deputati li kienu voċiferi kontra tiegħu meta kien Kap.
Il-Gazzetta ‘Illum’ irrapportat kif Delia mistenni jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq is-seba’ distrett apparti t-tmien distrett.
Dan ifisser li huwa mistenni jikkontesta l-istess distretti bħad-deputat tal-establishment Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Fil-fatt fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet Beppe Fenech Adami kien l-iktar kandidat Nazzjonalista li ġab voti fuq is-seba’ distrett madankollu, din id-darba Delia qed jimmira li jidħollu fl-għalqa bil-għan li jdgħajjiflu l-vot tiegħu miż-żewġ distretti.
Ġie rrappurtat ukoll li ħafna mis-segwaċi ta’ Adrian Delia jriduh jikkontesta l-elezzjoni fuq ir-raba’ distrett ukoll flimkien mat-tmien distrett.
Dan sabiex jipprova jaqlibha lil Jason Azzopardi li l-qasma bejniethom għadha friska sew.
Ir-rapport tal-gazzetta ‘Illum’ kompla jispjega kif is-segwaċi tal-eks Kap Nazzjonalista baqgħu qatt ma ħafruhielu lil Azzopardi u għalhekk ma jriduhx elett.
Il-manuvri bl-għażla tad-distretti fil-konfront taż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista toħroġ fid-deher ukoll bir-rifjut ta’ Delia li jikkontesta t-tieni distrett elettorali, li fuqu ngħad li kważi għandu garanzija li jkun l-unika deputat Nazzjonalista elett.
Madankollu, huwa ma jixtieqx li dan jagħmlu għad-detriment tad-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri li minn dejjem baqa’ leali lejh.
Saħansitra Stephen Spiteri kien irrifjuta li jkun inkluż ma’ dawk magħrufa bħala l-blue heroes tal-establishment li għamlu minn kollox biex iqaċċtu lil Adrian Delia mit-tmexxija.
Dan sabiex minflok it-tmun ituh lil Bernard Grech.