L-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u deputati oħra mill-fazzjoni tiegħu esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li l-kandidat imbuttat minnhom Kevin Cutajar se jkun co-opted fil-Parlament, u li għal darb oħra rebħu fuq il-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li akkost ta’ kollox ma riditx li Cutajar jieħu dan is-siġġu.
Dan permezz ta’ diversi messaġġi ta’ awguri lil Cutajar li kitbu fuq Facebook.
Busuttil kiteb li l-ebda ostaklu ma waqqaf lil Cutajar.
Karol Aquilina qal li s-sewwa jirbaħ żgur.
Filwaqt li Jason Azzopardi sostna li din ġurnata storika.
Beppe Fenech Adami wkoll laqa’ din il-co-option.
Kien ġimgħa ilu li l-Eżekuttiv fost ħafna ġlied intern għażel lil Jean Pierre Debono biex jieħu dan is-siġġu. Iżda wara ħafna kontroversja, kritika qawwija, ġlied intern u allegazzjonijiet ta’ tbagħbis fil-lista ta’ dawk eleġibbli jivvutaw fl-eżekuttiv, Debono għażel li jirrinunzja s-siġġu biex b’hekk issa dan ingħata lil Cutajar.
Il-fazzjoni ta’ Delia qattgħat l-aħħar jiem tipprova tħajjar kandidati Għawdxin sabiex jitfgħu isimhom bħala persuni interessati li jimlew dan is-siġġu.
Iżda minn tal-inqas żewġ kandidati, l-Avukat Joe Ellis u Maria Portelli, żvelaw dawn il-manuvri li kien qed jagħmel is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli bil-barka ta’ Adrian Delia.
http://www.one.com.mt/2019/06/08/kevin-cutajar-maghzul-biex-jiehu-post-david-stellini-fil-parlament/