Mal-mument li ssemma isem l-Avukat Franco Debono, fil-Partit Nazzjonalista nħolqot raġuni oħra fuqiex jibdew jiġġieldu.
Biex issa l-fazzjoni tal-establishment, l-għaqda Repubblika u persuni qrib id-deputati Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi kitbu jattakkawh pubblikament.
Kien Bernard Grech li meta mistoqsi ftit tal-ġimgħat ilu qal li min jirrijabilita ruħu jista’ jkun ikkunsidrat biex jidħol lura fil-Partit Nazzjonalista iżda dakinhar Grech qalagħha għal żewġ raġunijiet.
Ħafna qalulu ċar li hu l-partit li jrid jirrijabilita ruħu u mhux l-individwi li telqu, filwaqt li minn naħa l-oħra kien hemm min għamilu ċara li ma’ Franco Debono m’hemmx ċans għal paċi.
Saħansitra issa bdiet kampanja biex l-Avukat Debono jiġi skreditat, speċjalment billi jippruvaw jikkonvinċu lill-partitarji Nazzjonalisti li Franco Debono kien il-kawża ewlenija wara l-inkwiet tal-Gvern ta’ Lawrenz Gonzi u t-telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-2013.
F’artiklu fuq it-Times of Malta, il-kandidat fi żmien Simon Busuttil, Kevin Cassar ħadha qatta bla ħabel kontra Dr Debono.
Lil dan huwa sejjaħlu “maverick”, li tfisser persuna bla kontroll.
Cassar jgħid li “the abrasive Debono was determined to be the thorn in Gonzi’s side”.
Huwa isostni li Dr Debono, li hu jsejjaħ ambizzjuż u pretenzjuż, kien jiddisprezza (“despised”) lil Dr Carm Mifsud Bonnici u b’ għira u odju (“envy and spite”) vvotta kontrih.
L-artiklu jirrimarka li Dr Franco Debono kien vendikattiv filwaqt li Dr Carm Mifsud Bonnici mexxa b’mod onorevoli.
Skont Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami, Franco Debono huwa “the insufferable attention-seeker”.
Hu jgħid li dan għamel dak li jagħmel għax “his most coveted prize was being given use of the ministerial car previously used by his nemesis, Mifsud Bonnici”.
Filfatt huwa jiddeskrivi lil Franco Deboni bħala tradittur (“turncoat”) u li l-aġir tiegħu kien dak ta’ oligarkija u mhux dak li kienet tagħmel l-amministrazzjoni ta’ Dr Lawrence Gonzi.
L-artiklu ta’ Kevin Cassar flimkien ma’ blogs oħra inkluż ta’ Manuel Delia qed ikunu interpretati f’Tal-Pietà bħala mossi biex ifakkru lil Bernard Grech li jrid joqgħod attent ħafna x’passi jieħu jekk kemm il- darba ma jridx li jibdew jaħsbu dwar min jeħodlu postu.
Fil-fatt kienu dawn it-tip ta’ messaġġi li waslu biex laqgħa tal-eżekuttiv skedata għall-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra kellha titħassar, anke jekk sejjaħha l-Kap innifsu.
Dan għax ma kienx lest jieħu riskji ta’ riżultat f’dik il-laqgħa li ma jogħġobx lil min poġġih hemm.